Tletin sena għaddew minn meta l-Gżejjer Maltin kienu mberkin bil-mawra pastorali tal-Qaddis Ġwanni Pawlu II, żjara li għadna niftakkru b’għożża kbira sal-ġurnata tal-lum.  Matul din iż-żjara il-Papa kellu diversi laqgħat fejn matulhom ta numru ta’ diskorsi.  Fosthom nsibu l-laqgħa li kellu mal-ħaddiema fil-Kottonera.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II tkellem fuq dak li hu rrefera għalih bħala “L-Evanġelu tax-xogħol”, fejn ix-xogħol onest, magħmul kif għandu jkun, għandu dinjità fih innifsu u jagħti dinjità lil dawk li jagħmluh.  Spjega wkoll is-sinnifikat spiritwali tax-xogħol, bħala kontinwazzjoni tal-ħidma ta’Alla fuq din l-art, kif ukoll bħala espressjoni ta’ imħabba u solidarjeta’ fil-konfront ta’ ħutna.  Il-Papa insista wkoll li m’għandux ikun hemm separazzjoni bejn it-tradizzjonijiet u l-fidi Kattolika, kif mgħixa fil-Quddies tal-Ħadd, u s-sens ta’ dedikazzjoni, onesta’, ġustizzja u fraternita’ fuq il-post tax-xogħol matul il gimgħa.FIlwaqt li nogħżżu dawk il-ġranet indimentikabbli ta’ meta dan il-Qaddis mexa f’nofsna, ejja nixtarru l-kliem ta’ stedina lil kull wieħed u waħda minna sabiex naraw ix-xogħol mhux biss bhalha mezz, imma wkoll bħala parti mill-għan tal-mixja tagħna fuq din l-art.

Tista’ taqra id-diskors sħiħ hawn taħt: sors http://laikos.org/Gwanni_Pawlu_II_mt.htm

Maħbubin Uliedi,

1.         Kuntent li qiegħed fostkom.

Niżżi ħajr ‘l Alla għal dan iċ-ċans li nkun magħkom.  Din il-laqgħa mal-ħaddiema ta’ Malta hija waħda mill-waqtiet ewlenin taż-Żjara Pastorali tiegħi, u jien nistennieh b’ħerqa bħala waqt ta’ djalogu tal-ħbieb, magħkom, l-irġiel u n-nisa li x-xogħol ta’ kuljum tagħhom huwa l-istess demm li jagħti l-ħajja lis-soċjetà Maltija.  Xtaqt li kieku nsellmilkom wieħed wieħed.  Nitlobkom tieħdu l-kliem ta’ mħabba u inkoraġġiment tal-Papa lill-maħbubin tagħkom, l-aktar lit-tfal u lill-ħaddiema sħabkom li ma setgħux ikunu preżenti.

Nsellmilkom ilkoll: dawk li jaħdmu fil-biedja, fl-industrija – inklużi dawk il-ħafna li jaħdmu fit-tarznari qrib -, fl-uffiċċji u fl-industrija tat-turiżmu.  Jiena nsellem lir-rappreżentanti tad-diversi trejdunjons u organiżżazzjonijiet tal-ħaddiema, u wkoll lill-uffiċjali pubbliċi u lill-membri tal-komunità tan-negozju.

Lilkom ilkoll intenni l-istima kbira tal-Knisja għad-dinja tax-xogħol.  Ix-xogħol hu parti fundamentali mill-ħajja tagħha hawn fid-dinja.  Spiss jinvolvi għeja tqila u saħansitra tbatija, imma jista’ jkun ukoll forġa ta’ karattru qawwi u ta’ personalità vigoruża, il-mezz li bih aħna nibnu d-dinja skont il-valuri li fihom nemmnu.  Għan-Nisrani, x-xogħol hu l-mod kif aħna nieħdu sehem attiv u responsabbli fix-xogħol tal-għaġeb tal-Ħallieq li jdawwarna minn kullimkien u jimliena kollna kemm aħna.

2.         Iżda għaliex il-Papa għandu jitkellem dwar ix-xogħol?  Forsi xi wħud jistgħu jaħsbu li m’għandux dritt jagħmel dan; huma jaħsbu li x-xogħol għandu x’jaqsam ftit jew xejn mar-reliġjon.  Jien nista’ nwieġeb billi ngħid li l-esperjenza tiegħi personali tax-xogħol kienet waħda mill-aktar perjodi interessanti u formattivi tal-ħajja tiegħi.  Jiena esprimejt l-għana ta’ dik l-esperjenza f’xi wħud mill-kitbiet tiegħi.  Illum ġejt għandkom, il-ħaddiema ta’ Malta, bħala ħabib li jaqsam l-ansjetajiet u t-tamiet ta’ rġiel u nisa li – fi kliem il-ktieb tal-Ġenesi – jaqilgħu ħobżhom bl-għaraq ta’ ġbinhom (ara Ġen 3:19).  Ġejt ukoll bħala l-Isqof ta’ Ruma, is-Suċċessur ta’ Pietru, u għalhekk bħala l-ħabbar ta’ wieħed li kien magħruf bħala mastrudaxxa u iben mastrudaxxa (ara Mt 13:55; Mk 6:3)

Iva, d-dinja tax-xogħol mhix għariba għall-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu.  Il-Mulej fehem perfettament ir-realtà tax-xogħol tal-bniedem.  Kliemu kienu mimlija b’riferenzi għall-ħaddiema u għall-ħidmiet diversi tagħhom: il-bidwi li jiżra’ ż-żerriegħa u l-ħaddiem li jaħsad l-għelejjel, dak li jtella’ d-dwieli u r-ragħaj, dal li jsewwi x-xbiek ħdejn il-baħar, il-bennej u l-qaddej, in-negozjant u l-mara tad-dar, is-suldat u l-Uffiċjal tal-Istat.  Kollha kemm huma kellhom post fl-interessi u t-tagħlim ta’ Ġesù.  U l-Appostli li għażel biex ikomplu l-missjoni tiegħu ta’ redenzjoni kienu ħaddiema u sajjieda.

3.   F’kull żmien il-Knisja tkompli tippreżenta t-tagħlim ta’ Ġesù dwar ix-xogħol, u l-   aktar illum meta r-relazzjonnijiet ekonomiċi u l-proċessi tal-produzzjoni huma kumplessi u dejjem aktar impersonali, u jheddu li jdawwru lill-bniedem kontra tiegħu innifsu.  Il-Knisja xxandar Duttrina Soċjali għaliex il-kwistjonijiet kbar li jaffettwaw lis-soċjetà, u mhux l-inqas il-kwistjoni tax-xogħol, għandhom impatt qawwi fuq ħajjiet in-nies u ma jistgħux jiġu mifruda mir-responsabbiltajiet morali u etiċi ta’ dawk kollha involuti.

Sfortunatament hija esprejenza fid-dinja kollha li l-istorja tar-relazzjonijiet tax-xogħol, l-aktar fl-aħħar żewġ sekli, spiss żviluppaw fi ġlieda soċjali bejn il-ħaddiema u s-sidien.  Hu biss b’diffikultà kbira  li l-ideal tal-ġustizzja mexa ‘l quddiem.  Illum, bil-ftuħ ta’ tant fruntieri li qabel kienu magħluqin u bid-determinazzjoni tal-popli li jgħixu meħlusin mill-oppressjoni ideoloġika, qed isir aktar ċar li, għalkemm it-tfittxija tal-ġustizzja tista’ tiġi opposta u mdewwma, ma tistax tiġi mgħaffġa.  Hija l-ispirazzjoni fundamentali tal-ispirtu tal-bniedem. Sistemi mibnija fuq gidbiet dwar in-natura spiritwali tal-bniedem u tar-relazzjonijiet umani ma jistgħux ikunu dejjiema.  Id-dinjità tal-persuna umana hija l-unika bażi soda ta’ sistema soċjali li hi kapaċi tagħti d-direzzjoni t-tajba lir-relazzjonijiet umani u trawwem ftehim mutwu, djalogu u kooperazzjoni.  Fid-dinja li qed issir dejjem interdipendenti ma jistax ikun hemm triq oħra ‘l quddiem.  F’Malta wkoll dan jeħtieġ li jsir.

4. Anki jekk hemm ħafna kwalitajiet ta’ xogħol, f’ċertu sens kull xogħol jaqsam mill-istess natura.  L-għan tiegħu hu li jittrasforma u jorganiżża r-realtà b’mod utli u produttiv.  Ix-xogħol hu t-twettiq tal-amar tal-bidu ta’ Alla mniżżel fl-ewwel paġni tal-Bibbja: “Imlew l-art u aħkmuha” (Ġen 1:28).  Kemm jekk bi sforz fiżiku, intellettwali jew spiritwali, “kull individwu …. Jieħu sehem fil-proċess ġganti li bih il-bniedem ‘jaħkem l-art b’xogħlu’” (Laborem Exercens, 4).

Dan hu l-bidu ta’ dak li jien insejjaħ “L-Evanġelju tax-xogħol” li l-Knisja tixtieq tgħaddi lid-dinja tallum.  Kulmin jisma’ dan “l-Evanġelju” u jgħixu ma jistax iħares aktar lejn ix-xogħol bħala oġgett sempliċi li jinbiegħ u jinxtara għall-paga.  F’ħarsa usa’ u aktar nobbli, ix-xogħol għandu jidher bħala triq għall-iżvilupp ta’ dak li jkun u bħala mezz normali biex in-nies toħloq kondizzjonijiet li jippermettu għanja kulturali, soċjali u reliġjuża (ara Gadium et Spes, 67).  Għaliex in-natura u l-organiżzazzjoni tax-xogħol taffettwa n-nies b’mod sħih, id-Duttrina Soċjali Kattolika tinsisti li l-persuna umana hija ċ-ċentru u n-norma tal-proċessi kollha ekonomiċi.  Hu għalhekk li t-Tieni Konċilju Vatikan għamel dan l-appell ħerqan: “Il-proċess kollu tax-xogħol produttiv għandu jkun addattat għall-ħtiġijiet tal-persuna u għall-istat tal-ħajja li tgħix, u l-ewwelnett għall-ħajja tal-familja tiegħu” (ibid.).  Tenħtieġ bidla fil-prijoritajiet tal-ordni ekonomiku mondjali jekk ir-realtà ġdida tax-xogħol trid tassew taqdi lin-nies u mhux tgħakkishom f’għamliet ġodda ta’ skjavitù.  Dan jidher b’mod speċjali fil-kondizzjonijiet tal-ħaddiem fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw tan-naħa t’isfel u wkoll fil-pajjiżi industrijaliżżati fin-naħa ta’ Fuq.  Is-soċjetà Maltija hija wkoll imsejjħa biex taħdem għal dawn il-bidliet li huma meħtieġa biex jiġi promoss żvilupp li jħaddan is-setturi kollha (ara Sollecitudo Rei Socialis, 21).

5. “L-Evanġelju tax-Xogħol” iżomm li x-xogħol onest, magħmul kif għandu jkun, għandu dinjità li titwieled miegħu u jagħti dinjità lil dawk li jagħmluh.  Hu għalhekk li l-qagħad hu daqshekk qerriedi.  Hu jħalli l-vittmi tiegħu mingħajr l-għajnuna ekonomika meħtieġa, u, aktar minn hekk, iċaħħadhom kemm psikoloġikament u kemm soċjalment.  Għaldaqstant inħeġġiġkom li ma tabbandunawx lil dawk qiegħda, u l-aktar liż-żgħażagħ li qed ifittxu jaqilgħu l-għixien.  Il-qiegħda u l-familji tagħhom għandhom dritt għas-solidarjetà effettiva tal-Istat, tal-interessi tan-negozju u tal-organiżżazzjonijet tal-ħaddiema nfushom.

Il-ħaddiema huma s-suġġett tad-drittijiet u dmirijiet.  Nies li jaħdmu, l-aktar ħaddiema dipendenti, għandhom dritt li jiġu trattati ta’ li huma: rġiel u nisa ħielsa u responsabbli msejjħin biex ikollhom sehem fid-deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ ħajjiethom.  Soċjetà li tfittex il-ġid veru tal-membri tagħha taħseb biex ikun hemm għajnuniet proprji għall-familja.  Hi tara li jkun possibbli li l-ommijiet ikunu jistgħu jagħtu l-attenzjoni primarja tagħhom lil uliedhom u lil djarhom, u , fejn meħtieġ, tipprovdi għall-ħtiġijiet speċjali ta’ ommijiet li jaħdmu.  U klassijiet partikolari ta’ ħaddiema jeħtieġu l-attenzjoni u l-ħarsien speċjali tas-soċjetà.  Il-bdiewa, biex inġib eżempju, spiss iħossu li l-kontribuzzjoni tagħhom lis-soċjetà mhix apprezzata biżzejjed.  Hekk “L-Evanġelju tax-xogħol” ixandar li s-sistemi ekonomiċi, soċjali u politiċi għandhom ikunu sensittivi għall-ġid sħiħ tal-individwi u tal-ħtiġijiet tal-familji tagħhom.

Iżda l-ħaddiema u l-organiżzazzjonijiet tagħhom għandhom ukoll dmirijiet lejn il-ġid komuni.  L-ewwel wieħed minn dawn id-dmirijiet hu li x-xogħol  isir kif għandu jkun, u jingħata kontribut effettiv għall-ġid ta’ soċjetà aħjar .   Dan hu wkoll parti mill-“Evanġelju tax-Xogħol” imħabbar elfejn sena ilu fil-ħajja u fil-ħidma ta’ Ġesù ta’ Nażaret, l-Iben inkarnat ta’ Alla.  Il-valur li Ġesù ta lix-xogħol tul is-snin twal tal-ħajja moħbija tiegħu ma kienx mitluf għall-Insara tal-bidu.  San Pawl ftaħar li hu kien jaħdem lejl u nhar biex ma jkunx ta’ piż fuq l-oħrajn (ara Tess 3:8), u ġabar l-ispiritwalità tax-xogħol f’dawn il-kelmiet: “Kull ma tagħmlu, għamluh minn qalbkom bħallikieku lill-Mulej u mhux lill-bnedmin; għax tafu li għad tieħdu l-ħlas li ħejja b’wirt għalikom il-Mulej” (Kol 3:23-24).

Dan il-kliem hu stedina għal integrità u kompetenza minn kulħadd, ħaddiema u sidien, nies imdaħħla f’kull livell ta’ attività ekonomika u produttiva.  Fl-istess ħin l-Appostlu qed isejjħilna biex inwessgħu x-xefaq tal-ħidma tal-bniedem ħalli jinkludi l-pjan ta’ Alla għad-dinja u għas-salvazzjoni ta’ dejjem tagħna.  Id-dinja tax-xogħol m’għandniex inħarsu lejha bħala parti mir-realtà li b’xi mod hi opposta għall-fidi u r-reliġjon, qisha f’konflitt ma’ Alla u l-Knisja tiegħu.  Ix-xogħol jista’ jkun għajn ta’ sodisfazzjon u żvilupp u wkoll ta’ tkabbir kulturali u spiritwali jekk is-soċjetà tqisu bħala kooperazzjoni fl-għan ħallieq ta’ Alla u tirrispetta d-dinjità unika u l-aspirazzjonnijiet għola ta’ kull persuna, inklużi d-drittijiet tal-kuxjenza, bħala għotjiet inaljenabbli tal-Ħallieq (ara Gaudium et Spes, 35).

Il-virtù li tispikka fir-raġel u l-mara tax-xogħol Maltin għandha tkun is-solidarjetà; impenn għall-ġid komuni; ċaħda tal-egoiżmu u l-irresponsabbiltà.  Aħna għandna nkunu respponsabbli lejn u għal xulxin.  Dak li hu meħtieġ huma atti konkreti ta’ solidarjetà: bejn sidien u impjegati, bejn irġiel u nisa tax-xogħol bejniethom stess b’sensittività speċjali għall-fqar u għal dawk li m’għandhomx min jiddefendihom.  F’dan kollu, l-unjons tal-ħaddiema għandhom parti speċifika x’jagħmlu.  Hu x-xogħol tagħhom li jiddefendu d-drittijiet tal-imseħbin tagħhom bil-mezzi leġittimi li għandhom f’idejhom waqt li jżommu f’moħħhom id-dirittijiet ta’ kategoriji oħra ta’ ħaddiema, il-qagħda ekonomika ġenerali tal-pajjiż u, fil-qosor, il-ġid komuni.  Fis-sitwazzjoni preżenti tal-progress teknoloġiku u tal-iżvilupp soċjali huma qed jiġu sfidati biex ikollhom veduta usa’ tal-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet soċjali tagħhom.  Ix-xogħol kbir tagħhom hu li jarmoniżżaw it-tiftix għall-progress materjali mal-mixja kulturali u spiritwali tas-soċjetà.  Fi kliem ieħor mewġa kbira ta’ solidarjetà soċjali, mhux il-konflitt, hija t-tweġiba propja għall-problemi tallum li huma dejjem aktar marbutin flimkien u kull waħda tiddependi mill-oħra.

6.      Imma s-solidarjetà, id-djalogu u l-kooperazzjoni għandhom jinbnew fuq sisien sodi.  Dawn il-valuri jitolbu “li wieħed ikun lest”, fis-sens Evanġeliku, li ‘jitlef lilu nnifsu’ għall-ieħor flok jesplojtjah, u li ‘jaqdih’ flok li jgħakksu għall-vantaġġ tiegħu innifsu” (Sollecitudo Rei Socialis, 38).  Għalhekk il-qofol tal-“Evanġelju tax-Xogħol’ hu wkoll il-qalba tal-messaġġ Nisrani nnifsu.  Ġesù Kristu jiġbor it-tagħlim tiegħu f’dawn il-kliem li tant nafu: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.  Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed.  U t-tieni jixbħu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Mt 22:37).  Għalhekk l-ewwel direzzjoni tax-xogħol hija vertikali, lejn Alla: ix-xogħol stess tiegħek hu ftuh ftit ftit tal-ħsieb tal-Ħallieq u kontribut biex il-pjan divin jitwettaq fl-istorja (ara Gaudium et Spes, 34).  It-tieni direzzjoni tax-xogħol hija oriżżontali: hija mod effettiv li bih titqiegħed fil-prattika l-imħabba ta’ għajrna.  Ix-xogħol tiegħek hu forma mill-aqwa ta’ servizz lill-oħrajn inkwantu jġib benefiċċji ta’ kull xorta lis-soċjetà.

Għalhekk il-biċċa xogħol li l-Papa se jagħti f’idejn il-ħaddiema ta’ Malta hi li jintegraw id-dinja tax-xogħol mad-dinja tal-fidi Katotlika, murija fil-quddiesa ta’ nhar ta’ Hadd, u s-sens ta’ impenn, onestà, gustizzja u fraternità murija fil-post tax-xogħol matul il-ġimgħa.

Għeżież ħbieb, hu f’dan l-ispirtu tal-“Evanġelju tax-Xogħol”, li tħabbar minn Ġesù Kristu elfejn sena ilu u jkompli jitħabbar fi żmienna, li jien nistedinkom:

Għidu Le lill-inġustizzja f’kull livell tas-soċjetà!
Għidu Le għall-egoiżmu individwali u tal-klassi li jfittex l-interessi 
tiegħu bla ma jqis il-ġid komuni tas-soċjetà kollha!
Għidu Le lill-materjaliżmu li jmewwet il-kuxjenza u d-dimensjoni spiritwali tal-ħajja!
Għidlu Iva lil solidarjetà ġdida bejn il-forzi kollha tax-xogħol u bejn il-
ħaddiema u sidien, bejn id-dinja tax-xogħol u l-poplu kollu ta’ Malta!
Għidu Iva għall-iżvilupp sħiħ materjali u spiritwali ta’ kull min jgħix f’dawn 
il-gżejjer, bi provvediment speċjali għall-ifqar u għal dawk l-aktar fil-bżonn!
Għidu Iva għall-pjan tal-ħolqien ta’ Alla u għall-Verità tiegħu miktuba fin-natura 
ta’ kull ħaġa u fil-fond ta’ qalb il-bniedem!

Il-mastrudaxxa ta’ Nażaret u l-ħaddiema ta’ Malta għandhom ikunu ta’ moħħ wieħed u qalb waħda.  Ftakru fil-kliem tal-qari mill-Iskrittura li smajna fil-bidu tal-laqgħa tagħna: “Kull ma’ tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù (Kol 3:17).  F’għaqda ma’ Kristu, ix-xogħol tagħkom u l-isforzi tagħkom biex tibdlu d-dinja jakkwistaw il-forma ta’ sagrifiċċju li jkun jogħġob ‘l Alla.  Billi toffru “dak li l-art tat u l-idejn tal-bniedem sawwru” intom tħejju t-triq għas-saltna ta’ Alla.  Dik hi t-tifsira l-aktar profonda tax-xogħol tagħkom.

Għeżież ħuti, jalla s-saltna ta’ Kristu ta’ verità u ħajja, ta’ qdusija u grazzja, ta’ ġustizzja, mħabba u paċi, tieħu pussess ta’ qlubkom għall-progress u l-prosperità veri ta’ Malta.  Alla jberikkom ilkoll.