Il-ħames u l-aħħar laqgħa ta’ Ilkoll Aħwa se ssir nhar il-Ġimgħa, 1 ta’ April bit-tema ‘Ilkoll aħwa f’Malta: il-ħlewwa fl-ospitalità’ u se titmexxa minn Mark Cachia.
L-ospitalità Nisranija tibda b’attitudni ta’ gratitudni lejn dak Alla li jilqa’. Fl-Evanġelju, Kristu ma jidhirx biss bħala dak li jilqa’ bil-ħniena imma wkoll bħala barrani vulnerabbli u fil-bżonn. Ġesù hu dak li jilqa’ u li għandu bżonn jiġi milqugħ.
L-ospitalità kienet karatteristika distintiva fil-komunitajiet Kristjani tal-bidu, b’enfasi partikolari lejn dawk li l-iktar huma vulnerabbli, foqra u fil-bżonn. U l-Papa Franġisku issa qed ifakkarna li d-deċiżjoni li jiġu inklużi jew esklużi dawn il-persuni hi l-kriterju li jiddefinixxi t-tip ta’ persuna li aħna u l-proġett politiku, soċjali u reliġjuż li aħna parti minnu.
Ix-xbieha ta’ qalb li titwessa’ jew ta’ ċirku ta’ mogħdrija li jħaddan lil kulħadd se tintuża biex tiġi deskritta t-tip ta’ soċjetà akkoljenti li jipproponi l-Papa Franġisku fi Fratelli Tutti. Eżempji ta’ ospitalità li nsibu fil-Bibbja bħat-tliet “anġli” milqugħa minn Abraham u l-wasla ta’ San Pawl f’Malta jfakkruna li l-persuna li toffri l-ospitalità ma toffrix primarjament servizz imma taqsam ħajjitha mal-oħrajn.
U filwaqt li l-virtù tal-ospitalità tista’ u għandha tiġi mgħixa minn kulħadd fuq livell individwali u ‘fil-privat’, l-azzjonijiet kollha ta’ tjubija, rispett u ospitalità għandhom impatt li jmur lil hinn mill-ġest innifsu. Fil-fatt, l-oppost ta’ kultura ta’ skart u iżolament mhuwiex sempliċement in-nuqqas ta’ dik il-vjolenza li twassal għal din il-kultura. Il-prattika tal-ospitalità tibni narrattiva kontrokulturali li tagħraf il-valur tal-‘barrani’ u d-dinjità umana tiegħu jew tagħha. Speċjalment meta s-soċjetà toħloq ambjent ostili għal ċerti persuni, l-ospitalità tindika mod aħjar ta’ kif ngħixu flimkien bħala aħwa, li fih ma jkunx hemm ‘oħrajn’ jew ‘huma’, imma biss ‘aħna’.
Din il-laqgħa se ssir fil-Parroċċa ta’ San Ġużepp, il-Kalkara fis-7pm kif ukoll tixxandar fuq Knisja.mt u l-paġna fuq Facebook tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Iktar informazzjoni tinkiseb minn [email protected].
Dwar Mark Cachia
Mark Cachia hu uffiċjal eżekuttiv tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Studja l-Filosofija f’Padova u t-Teoloġija f’Pariġi u Madrid, fejn speċjalizza fit-Teoloġija Morali. Ħadem għal diversi snin mas-Servizz tal-Ġiżwiti għar-Refuġjati u kien involut f’diversi ħidmiet fil-qasam tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja f’Malta u barra. Ingħaqad mal-Kummissjoni bħala uffiċjal eżekuttiv f’Awwissu 2021.