STQARRIJA MAĦRUĠA MILL‑KUMMISSJONI ĠUSTIZZJA U PAĊI

Hekk kif is‑soċjetà Maltija jidher li riesqa lejn it‑tmiem tal‑partial lockdown, il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta tixtieq tirrifletti fuq l‑importanza tal‑aċċess liberu għall‑ispazji miftuħa għal kulħadd. Dan qed isir fil‑ġimgħa fejn qed niċċelebraw il‑ħames anniversarju mill‑publikazzjoni tal‑enċiklika Laudato si’ tal-Papa Franġisku, “fuq il‑kura tad‑Dar Komuni Tagħna”.

L‑importanza tal-aċċess tal‑ispazji miftuħa, speċjalment fil‑kuntest ta’ żoni li huma densament popolati jissemma f’din l‑enċiklika. Fil‑lockdown ta’ dawn l‑aħħar ġimgħat stajna nindunaw bin‑nuqqas ta’ spazji miftuħa li jistgħu joffru nifs mill‑istorbju, l‑ġenn u t‑tniġġis tal‑ibliet u l‑irħula tagħna.

Waħda mit‑temi prinċipali tal‑Laudato si’ hi propju l‑fatt li r‑razza umana qiegħda kulma tmur turi attitudni ta’ dominazzjoni u sfruttar tal‑ambjent naturali, u dan b’detriment tal‑umanità stess (par. 101‑136). Laudato si’ twissi wkoll li meta l‑ambjent jiġi sfruttat, ħafna drabi l‑ewwel li jsofru huma l‑foqra (par. 170), li jinkludu mhux biss dawk li mhumiex sinjuri biżżejjed sabiex jiġġieldu għad‑drittijiet tagħhom, imma anke dawk kollha li jinsabu fil‑periferija tas‑soċjetà.

Ispirati minn din l‑osservazzjoni, il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi qed issejjaħ biex postijiet naturali jiġu protetti minn żvilupp eċċessiv, jiġu salvagwardjati għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, u jkunu aċċessibbli għal kulħadd. Kif jingħad fl‑enċiklika tal-Papa, din it‑tip ta’ protezzjoni mhix importanti biss għal raġunijiet ambjentali imma wkoll għal raġunijiet ta’ ġustizzja soċjali, fejn xi ħaġa li hi essenzjali għall‑benesseri ta’ kulħadd, titħares u titgawda b’mod liberu minna lkoll.

Wieħed jifhem li biex ikun hemm il‑protezzjoni u l‑preservazzjoni neċessarja tal‑ekosistemi tagħna, xi drabi l‑aċċess għal dawn l‑ispazji pubbliċi għandu jiġi ristrett. Huwa importanti iżda li jkun hemm distinzjoni ċara bejn restrizzjonijiet dwar l‑aċċess għal fini tal‑ġid komuni, u restrizzjoni għall‑benefiċċju tal‑ftit. Post li l‑aċċess tiegħu jingħalaq sabiex jiġi protett l‑ambjent naturali tiegħu hu għas‑servizz tal‑ġid komuni, filwaqt li spazju fejn l‑aċċess tiegħu jkun magħluq għal fini ta’ attivitajiet privati, fejn bħala konsegwenza jwassal għad‑dannu u l‑qerda tal‑ambjent, imur kontra l‑prinċipju tal‑ġid komuni.

Huwa f’dan il-kuntest li l‑Kummissjoni qed tissieħeb fl‑inizjattiva ‘Spazji Miftuħa’, filwaqt li qed issejjaħ sabiex ikun hemm restrizzjoni fir‑rigward ta’ żviluppi fi spazji protetti f’Malta u sabiex ikun assigurat li dawn iż‑żoni protetti jibqgħu aċċessibbli għal kulħadd matul is‑sena kollha.