B’rabta mad‑dokument ta’ qabel il‑Baġit 2020 ‘Sustaining Inclusive Growth’, il‑Kummissjoni Djoċesana Ġustizzja u Paċi laqgħet l‑istedina għall‑konsultazzjoni u għaldaqstant ħejjiet numru ta’ osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet li qed tippreżenta għal konsiderazzjoni. Ir‑rakkomandazzjonijiet tqassmu fi tliet gruppi li jirriflettu tlieta mill‑miri għall‑iżvilupp sostenibbli tan‑Nazzjonijiet Magħquda għall‑2030 (Sustainable Development Goals ‑ SDGs) tan‑Nazzjonijiet Magħquda. Ta’ min wieħed jinnota li dawn ir‑rakkomandazzjonijiet tfasslu wara eżerċizzju ta’ konsultazzjoni ma’ numru ta’ organizzazzjonijiet li jaħdmu b’mod kontinwu ma’ gruppi differenti fis‑soċjetà fi ħdan il‑Knisja f’Malta.

Il-Qerda tal‑Faqar – SDG 1

Il‑Kummissjoni addottat definizzjoni aktar wiesgħa ta’ faqar li tinkudi gruppi vulnerabbli fost oħrajn: persuni bi dħul baxx, persuni li jsofru minn forom differenti ta’ abbuż u żgħażagħ li huma mġiegħla jgħixu f’kundizzjonijiet prekarji. Il‑Kummissjoni temmen li kwalunkwe miżuri li jiddaħħlu bil‑għan li jgħinu lil dawn il‑persuni għandhom isaħħu l‑pożizzjoni tal‑individwu u mhux iżidu d‑dipendenza tal‑persuna fuq l‑istess sapport.

  • Akkomodazzjoni affordabbli: Il‑Kummissjoni tilqa’ l‑iskema tal‑equity sharing u l‑White Paper ‘Il‑Kera bħala alternattiva ta’ akkomodazzjoni’ ppubblikata f’Ottubru tal‑2018. Għaldaqstant, il‑Kummissjoni temmen li hemm ħafna aktar x’jista’ jsir fir‑rigward tal‑prezzijiet fis‑suq tal‑kera, li aktar ma jmur iż‑żmien aktar qed jogħlew u li qed iwasslu għal “ħaddiema fqar”. F’dan ir‑rigward, l‑Awtoritajiet huma jitluba jikkunsidraw ċerti soluzzjonijiet bħalma huma l‑introduzzjoni ta’ (i) garanziji li jista’ jagħti l‑Gvern fuq self fuq proprjetà u/jew (ii) it‑tnaqqis tal‑interessi fuq is‑self fuq il‑proprjetà meta tinħadem it‑taxxa fuq id‑dħul.
  • Persuni bla saqaf fuq rashom: jeħtieġ jiġi kkummissjonat studju serju fuq il‑qagħda f’Malta dwar individwi li m’għandhomx fejn joqogħdu, li għandu jservi biex wieħed jifhem aktar x’qed iwassal għal din il‑problema u x’miżuri jistgħu jittieħdu sabiex din il‑problema tiġi indirizzata bl‑aktar mod effettiv. Aktar riżorsi għandhom jiġu offruti għad‑diżpożizzjoni tal‑Knisja u NGOs involuti f’dan il‑qasam sabiex jittaffa l‑piż li dawn qed iġorru sabiex joffru sapport lid‑djar li joffru kenn lill‑individwi li m’għandhomx fejn joqogħdu.
  • Persuni li qed isofru minn abbuż: Il‑Kummissjoni tirrakkommanda li titwaqqaf aġenzija li toffri parir legali. Għandha wkoll titwaqqaf sistema fejn kontribuzzjonijiet ta’ appoġġ għat‑tfal jintbagħtu lil din l‑aġenzija, biex din imbagħad tgħaddihom lill‑familja konċernata. Din is‑sistema għandha twassal sabiex jiġu evitati ħafna mil‑litigazzjonijiet li huma n‑norma f’sitwazzjonijiet bħal dawn.
  • Żgħażagħ li jfallu mis‑sistema edukattiva: Il‑Kummissjoni tilqa’ b’mod pożittiv l‑iskema li l‑Gvern qed iniedi ‘My Journey: Achieving through different paths’. Wieħed jirrakkomanda li skemi bħal dawn jiġu estiżi għal żgħażagħ akbar fiż‑żmien u li sfortunatament ħarġu mis‑sistema edukattiva qabel iż‑żmien.
  • Refuġjati u individwi li qed ifittxu l‑Ażil: Il‑Kummissjoni hija mħassba b’mod serju dwar il‑lingwaġġ li sfortunatament intuża fid‑Dokument ta’ qabel il‑Baġit 2020 b’referenza għar‑refuġjati u individwi li qed ifittxu l‑ażil. Li wieħed jippreżenta sitwazzjoni umanitarja bħala problema ta’ sigurtà nazzjonali hija inkwetanti. Dan jista’ jkollu konsegwenzi serji fuq kif il‑poplu jħares lejn din il‑kwistjoni. Aġir bħal dan mill‑istituzzjonijiet li qed jiggvernawna jista’ jwassal biex ikompli jrewwaħ il‑fjammi fuq is‑sentimenti xenofobiċi li sfortunatament diġà jinsabu b’saħħithom f’ċerti oqsma tas‑soċjetà. Il‑Kummissjoni tkompli tisħaq li għandu jsir investiment sostantiv fir‑rigward tal‑Initial Reception Centre. Il‑Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill‑Gvern sabiex jinstabu akkommodazzjonijiet alternattivi għal dawk l‑individwi li qed ifittxu l‑ażil. Sfortunatament dawn qed jinżammu għal aktar milli hemm bżonn fl‑Initial Reception Centre u fil‑Kwartieri tal‑Armata f’Ħal Safi.
Is‑Saħħa u l‑Benesseri – SDG 3

Fost l‑iżviluppi pożittivi li wieħed jista’ jelenka f’dan il‑qasam, insibu: l‑akkwist ta’ apparat fl‑ambitu ta’ kirurġija robotika, l‑inklużjoni ta’ Malta fil‑European Reference Network u l‑ispinta li ngħatat fl‑investiment li sar fiċ‑ċentri tas‑saħħa u fis‑sistema ċentrali tas‑saħħa.

  • Saħħa Mentali: minkejja l‑proposti riċenti li saru fir‑rigward tat‑titjib tal‑faċilitajiet tal‑Isptar ta’ Monte Karmeli, il‑Kummissjoni hi tal‑opinjoni li dan mhux biżżejjed biex ilaħħaq maż‑żieda fid‑domanda għas‑servizzi li qed ikun hawn. Il‑Kummissjoni ttenni li għandhom jiddaħħlu servizzi ta’ sapport ta’ saħħa mentali lil dawk il‑qraba li qed jagħtu kura lil membri tal‑familja.
  • Kwalità ta’ arja tajba: hemm numru ta’ soluzzjonijiet li wieħed jista’ jikkunsidra sabiex tittejjeb il‑kwalità tal‑arja. Dawn jinkludu, fost l‑oħrajn: i) trasport pubbliku b’xejn fil‑ħinijiet fejn it‑traffiku jkun l‑aktar f’qagħda kritika (ii) introduzzjoni ta’ infrastruttura adegwata u sigura fir‑rigward ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport (iii) jiġu evitati miżuri li jnaqqsu t‑traffiku biss għal żmien qasir (iv) isir investiment sabiex jiżdiedu spazji b’siġar u aktar ħdura (v) u li jiġu infurzati r‑regolamenti fuq il‑prattiċi fis‑settur tal‑kostruzzjoni li jnaqqsu t‑trabijiet fl‑arja.
Xogħol Diċenti u Tkabbir Ekonomiku – SDG 8

Aktar ma jgħaddi ż‑żmien, Malta qiegħda tkompli tilħaq livelli aktar għolja ta’ tkabbir ekonomiku u qgħad baxx. Ir‑riżultati miksuba qed ikunu saħansitra aktar tajbin minn dawk mistennija. Madankollu huwa importanti ħafna li l‑progress ekonomiku isir b’mod etiku u jkun ta’ natura sostenibbli.

  • Xogħol diċenti: l‑infurzar tal‑liġijiet f’ċerti setturi, fosthom: fis‑settur tal‑kostruzzjoni, dak tad‑divertiment u fit‑turiżmu, qed ikun anqas milli wieħed jistenna. Il‑Kummissjoni tħeġġeġ lill‑Gvern sabiex iniedi sistemi robusti li jissalvagwardjaw il‑ħaddiem u li jiggarantixxu mezz sigur u dinjituż kif wieħed jista’ jaqla’ l‑għajxien tiegħu. Ta’ min wieħed jiġbed l‑attenzjoni wkoll fuq l‑effett tal‑hekk imsejħa ‘Gig economy’ li f’dawn l‑aħħar snin qed issir aktar predominanti fil‑pajjiż. F’dan ir‑rigward, il‑Kummissjoni tħeġġeġ lill‑Gvern biex idaħħal fis‑seħħ l‑emendi meħtieġa fil‑liġi tax‑xogħol, sabiex ħaddiema involuti f’xogħol marbut mal‑Gig Economy ma jiġux sfruttati. Il‑Kummissjoni tirrikonoxxi wkoll il‑kontribut siewi li ħaddiema barranin qed jagħtu lill‑ekonomija Maltija. Għaldaqstant il‑Kummissjoni tħeġġeġ lill‑Gvern sabiex jissalvagwardja l‑ħaddiema barranin u jiżgura li dawn l‑istess individwi jiġu trattati bid‑dinjità mistħoqqa u mhux sempliċiment bħala riżors ieħor ta’ produzzjoni.
  • Tkabbir Ekonomiku: fid‑dawl tal‑fatt li l‑ekonomija ta’ Malta tibqa’ dejjem vulnerabbli minħabba n‑natura tagħha ta’ gżira żgħira; wieħed ma jistax ma jaċċennax l‑importanza tad‑diversifikazzjoni u l‑fatt li l‑ekonomija ma tistax titħalla tiddependi fuq numru zgħir ta’ setturi partikolari. F’dan ir‑rigward, il‑Kummissjoni tħeġġeġ lil kull min qed jieħu deċiżjonijiet f’dan l‑ambitu, sabiex l‑investiment jiġi direzzjonat b’mod aktar etiku u sostenibbli.
Konklużjoni

Fid‑dawl tal‑progress ekonomiku li qed jintlaħaq dan l‑aħħar, il‑Kummissjoni tinsisti li l‑frott ta’ dan il‑progress għandu jitgawda minn kulħadd u li ħadd m’għandu jitħalla jaqa’ lura. Dan ma jfissirx biss ridistribuzzjoni xierqa tal‑ġid li qed jiġi ġġenerat, imma wkoll li wieħed jeżamina dan il‑ġid minn fejn hu ġej u l‑prezz li s‑soċjetà qed ikollha tħallas għalih. Meta l‑progress jitkejjel biss bit‑tkabbir ekonomiku ma jkunx qed jirrifletti r‑realtà attwali, li tkun qed tiġi ssimplifikata. Fil‑kejl tal‑progress, il‑prinċipji tal‑etika u tas‑sostenibbiltà huma kruċjali u għaldaqstant għandhom jingħataw l‑importanza mistħoqqa minn dawk li jmexxu l‑pajjiż.

Kif qal tajjeb il‑Papa Franġisku, hemm bżonn li nimxu lil hinn “mit‑traġedja ta’ politika li moħħha biss fir‑riżultati immedjati, imwieżna wkoll mill‑popli konsumisti, … titlob li wieħed jipproduċi tkabbir fi żmien qasir.” “Il‑kobor tal‑politika jidher meta, f’mumenti diffiċli, wieħed jaġixxi skont prinċipji għoljin u jaħseb fil‑ġid komuni fit‑tul.” (Laudato Si’, 178). Il‑Kummissjoni tittama u titlob li l‑eżerċizzju tal‑Baġit 2020 jiġi ispirat minn dan il‑ħsieb.