Meta aħna nitkellmu fuq viżjoni nisranija jew biex inkunu aktar preċiżi kattolika, għal politika Ewropea, ħafna mill-ewwel jaħsbu fuq l-oġġezzjoni tal-Knisja għal-abort.  Bla ebda dubju l-qtil tal-Innoċenti hija kwistjoni importanti ħafna, pero viżjoni politika mibnija fuq kwistjoni waħda biss hija viżjoni mijopika.

In-nisrani huwa msejjaħ biex ikollu sehem attiv fil-ħajja politika fl-oqsma kollha, minkejja li jimxi l-ħajja tiegħu fuq din l-art b’ħarstu lejn is-sema.  Il-Konċilju Vatikan II, permezz tad-dokument Gaudium et Spes, ifakkarna fi kliem Santu Wistin li jiddeskrivi n-nisrani bħalha ċittadin taż-żewġt ibliet, iġġifieri dik tas-sema u dik tal-art.  Dan id-dokument iħeġġeġ lill-insara “biex ifittxu jaqdu sewwa d-dmirijiet tagħhom ta’ l-art, immexxijin mill-ispirtu ta’ l-Evanġelju”, u jemfasiżża illi dawk n-nisrani li ma jimpennjax ruħu fis-soċjeta jkun qed jonqos mid-dmirjiet tiegħu lejn il-proxxmu, anzi wkoll lejn Alla nnifsu….”[1]  Hija l-fidi stess li tobbliga lil kull nisrani jipparteċipa fil-ħajja politika, kull wieħed skond is-sejħa tiegħu.[2]

Jkun żball għal dawk li jaħsbu li l-ħajja reliġjuża tikkonsisti biss f’egħmil ta’ qima u f’xi dmirijiet morali, u li l-ħwejjeġ ta’ l-art m’għandhom x’jaqsmu xejn magħha.

Allura l-mistoqsija awtomatika li tiġi hija kif jista’ in-nisrani jagħmel dan?  Il-vot f’elezzjoni huwa wieħed mill-elementi bażiċi kif nistgħu nwettqu dan id-dmir.  Fil-passat ħafna kienu dawk li kienu jistennew lill-Knisja tippronunzja ruħha fuq għażliet politiċi, u xi wħud forsi għadhom jistennew dan.  Madanakollu l-istorja u anke l-konċilju uriena li l-aħjar mod huwa billi r-responsabilta’ titħalla f’idejn l-individwu.  Individwu li jagħmel għażliet bil-għaqal ibbażati fuq kuxxjenza ffurmata tajjeb, skond it-tagħlim tal-fidi.[3]

Il-knisja għalhekk għandha d-dmir li minn żmien għal żmien tipprovdi dawk l-għodda li huma meħtieġa biex in-nisrani jilħaq dan il-għan, iġġifieri li jifhem il-fidi tiegħu, li tgħinu jagħmel deċiżżjonijiet bil-għaqal favur il-ġid komuni tal-belt tal-art.

U dan propju huwa l-iskop għaliex il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi flimkien ma’ kummissjonijiet oħra Ewropej ingħaqdu biex jippromwovu dan id-dokument bi proposti fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Huwa għalhekk ukoll li organiżżajna din il-laqgħa ta’ djalogu.  Fi żmien fejn, ir-rappreżentanti tagħna aktar ma jmur qed jintgħażlu abbażi ta’ simpatija aktar milli għal viżjoni politika tagħhom; fi żmien fejn is-soċjeta’ qed isir aktar ippolariżżata, fejn ħafna jinsew dak li hemm komuni bejnietna; fi żmien fejn id-diskussjonijiet politiċi kull ma jmur qed jiġu ikkarateriżżati minn kliem ta’ mibegħda u nuqqas ta’ verita’; u fi żmien fejn sentimenti populisti qed jheddu l-proġġett Ewropew li hu proġett ta’ għaqda u solidarjeta’, inħossu l-bżonn li ntennu l-appoġġ tagħna għal proġġett Ewropew li jgħaqqad il-popli favur il-ġid komuni, fuq il-prinċipji tas-solidarjeta’, s-sussidjarjeta’ u d-dinjita’ tal-bniedem.  Nħossu l-bżonn li nressqu lill-aħwa flimkien f’oażi fejn il-kliem tal-paċi jsaltan u jissarraf f’rispett reċiproku u djalogu. Nħossu l-bżonn li nitfgħu dawl fuq dawk il-kwistjonijiet li ma nistgħux naljenaw rasna minnhom. Iridu diskussjoni politika li tmur lil hin mir-retorika partiġġjana.  

Qed inressqu quddiemkom dawn il-proposti għax nemmnu li huma għodda li tista’ sservi ta’ punt ta’ tluq biex nibdew proċess ta’ djalogu siewi anke ma’ nies li ma jaqsmux l-istess twemmin tagħna, imma li huma wkoll għandhom għal qalbhom il-ġid tal-bniedem, u lesti li jaħdmu biex jittejjeb il-ġid komuni.  F’dan is-sens il-proposti jgħinu biex nistħarġu wkoll il-viżjoni ta’ dawk li qed jersqu quddiemna biex jitolbu minna l-fiduċja biex jitkellmu f’isimna fuq livell ewropew.

Fl-aħħar mill-aħħar, iżda r-responsabilta’ tagħna ma tieqafx mat-tfiegħ tal-vot imma tkompli ma’ kull aspett ieħor tal‑ħajja; mill‑aħbarijiet li wieħed jagħżel li jsegwi għall‑mod ta’ kif wieħed juża r‑riżorsi tiegħu, sal‑mod ta’ kif wieħed jipparteċipa f’diskussjonijiet, u kif nitolbu kont tal-għemil tagħhom lill-politiċi tagħna.   J’Alla l-elezzjonijiet ewropej jagħtuna opportunita’ biex nwessgħu ftit il-viżjoni tagħna, u nħarsu lejn il-kommunita’ tagħna fid-dawl ta’ kommunita akbar.  Hija opportunita’ biex immorru lil hinn mill-idea tal-“jiena” versu l-“oħrajn”, tal-blu kontra l-aħmar, ta’ Malta kontra l-barrani.   Hija okkażżjoni għalina biex naħsbu fid-dinjita’ tal-bniedem, fil-ġid komuni, fis-solidarjeta’ u s-sussidjarjeta’.

Din hija x-xewqa tagħna: xewqa għal-paċi.  Paċi vera għax mibnija fuq il-ġustizzja u l-verita’.


[1] Konċilju Vatikan II, Gaudium et Spes, Kostituzzjoni Pastorali Dwar il-Knisja fid-Dinja tal-Lum nru 43, Diċembru 1965, http://www.laikos.org/vat2_gaudium-et-spes_ver2017.htm

[2] ibid

[3] L-għaqal, skond San Tumas hu “l-qjies eżatt ta’ kull għemil”. L-għaqal m’għandux x’jaqsam ma’ li wieħed joqgħod lura jew mal-biża’ u lanqas mal-wiċċ b’ieħor, jew kif nħobbu narawh aħna l-Maltin mal-akkumulazzjoni ta’ ġid materjali. L-għaqal hu dik il-virtù li tgħin biex tagħraf fiċ-ċirkostanzi kollha x’inhu l-veru ġid tagħna u tagħżel il-mezzi ġusti biex jinkiseb. (Ara l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1806)

Il-kuxxjenza, mil-banda ‘l oħra mhijiex xiħaġa li tiġġustifikana li nagħmlu dak li rridu, u lanqas ma hija xi sentiment dwar dak li nħossu li għandna jew m’għandniex nagħmlu.  Imma hija l-vuċi ta’ Alla li tħabbat fil-qalb tal-bniedem, tiżvela l-verita’ u ssejħilna biex nagħmlu dak li hu tajjeb, fil-waqt li nwarrbu l-ħażen. Dan jista’ jsir biss meta l-ġudizzju li aħna nagħmlu jkun imsejjes fuq il-verita’ tal-fidi tagħna. (http://www.usccb.org/issues-and-action/faithful-citizenship/upload/forming-consciences-for-faithful-citizenship.pdf 17)