Fil-Jum Internazzjonali Kontra t-Traffikar tal-Bniedem hu opportun niftakru fil-vittmi li qed ibatu minħabba dan l-att. Matul is-snin it-traffikar tal-bniedem ħa diversi forom u ġie esperjenzat f’sitwazzjonijit varji. Madanakollu, l-effett tiegħu minn dejjem kienu devastanti u ta’ qerda. Xempju ħaj ta’ dan hi Santa Josephine Bakhita, il-patruna tas-superstiti tat-traffikar tal-bniedem. 

Santa Josephine Bakhita, magħrufa wkoll bħala “L-Omm is-Sewda”, kienet inħatfet fl-età ta’ disa’ snin u mibjugħa bħala lsira.  Din l-esperjenza tant kemm kienet trawmatika għaliha li nesiet x’jisimha, u dawk li serquha tawha l-isem ta’ Bakhita, li jfisser ‘fortunata’.  Hi sofriet minn umiljazzjonijiet morali u fiżiċi marbuta mal-jasar. Fl-1882 din it-tbatija ttaffiet għaliex Bakhita ġiet mibjugħa lill-Konslu Taljan. Il-familja li kienet tgħix magħha wrietha imħabba u rispett u hemmhekk ukoll skopriet imħabba profonda li għall-bidu ma setgħetx tispjegha.

Ftit tas-snin wara, iċ-ċirkustanzi tal-familja li kienet toqgħod magħha wassluha biex tingħaqad mas-Sorijiet Kanossjani tal-Istitut tal-Katekeżi ta’ Venezja. Kien proprju hemmhekk li Santa Bakhita esperjenzat l-imħabba ta’ Alla għall-ewwel darba f’ħajjitha, u b’hekk setgħet tagħti spjegazjoni għall-imħabba profonda li sa minn meta kienet tifla kienet tgħożż f’qalbha.  Fil-kunvent hi kienet ta’ faraġ u għajnuna għall-foqra, filwaqt li t-tbissima tagħha kienet serqet il-qalb ta’ ħafna nies. L-istess jista’ jingħad għalll-umiltà u s-sempliċità tagħha. 

Hekk kif kompliet tikber fl-età, Santa Bakhita għaddiet minn snin twal u koroh ta’ mard iżda qatt ma qatgħet qalbha u kompliet bi dmirijietha, dejjem f’isem l-imħabba u t-tama f’Alla.  Minkejja l-esperjenzi trawmatiċi li għaddiet minnhom, l-imħabba u d-dedikazjoni lejn il-proxxmu qatt ma naqsu, anke lejn dawk stess li ħatfuha, u għalhekk dawn huma ta’ inspirazzjoni kbira għalina.  Kif iddikjara il-Papa Ġwanni Pawlu II, il-legat li ħalliet warajha Santa Bakhita huwa li l-bidla hija possibbli permezz tat-tbatija, eżempju ħaj tat-tama Nisranija.

Il-jasar modern, li jinvolvi l-użu tal-forza, il-frodi, jew li tisforza lil xi ħadd iwettaq xogħol jew att sesswali kontra r-rieda tiegħu, għadu realtà li nsibuh fis-soċjetajiet tal-lum. Il-vittmi tat-traffikar tal-bniedem jinkludu rġiel, nisa u tfal ta’ kull età, razez, u nazzjonalitajiet. Madwar 46 miljun persuna huma maqbuda fix-xibka tal-jasar modern, fosthom 10 miljun tifel u tifla, 15 milijun persuna jiġu sfurzati jiżżewwġu, filwaqt li madwar 5 miljun persuna oħra jiġu użati għal skopijiet sesswali. Minkejja dawn iċ-ċifri allarmanti, ħafna jemmnu li n-numru tal-vittmi hu ferm iktar min hekk, peress li ħafna każijiet ta’ traffikat tal-bniedem ma jiġux irrappurtati.

Quddiem sitwazzjonijiet u ħażen bħal dawn, hu faċli li persuna taqta’ qalbha. Madanakollu l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tħoss li l-ħtieġa li tqajjem aktar kuxjenza dwar din il-kwistjoni allarmanti. Jekk ningħaqdu flimkien inkunu nistgħu nsaħħu l-għajta tagħna għal leġiżlazzjoni kontra t-traffikar tal-bniedem kif ukoll tal-prostituzzjoni. Dan billi niżguraw li jkun hemm is-sistemi u l-liġjiet xierqa. Għandna nisħqu sabiex l-Istat jagħti l-importanza meħtieġa u jipproteġi lil kull individwu, speċjalment lill-vulnerabbli. Dan ifisser li l-prijorità għandha tkun fuq li l-benessri tal-bniedem, u mhux biss fuq it-tkabbir ekonomiku jew il-ħtiġijiet ta’ industriji partikolari.

https://preghieracontrotratta.org