Fl-ewwel ta’ Jannar, il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-Jum Dinji tal-Paċi. Interessanti kif, fil-messaġġ tal-Papa Franġisku għal din il-ġurnata, il-Papa għoġbu jorbot il-kunċett ta’ paċi ma’ virtù li hu meħtieġ biex naslu għal din id-dinja ideali – li wieħed jiftaħ għajnejh u jisma l-karba ta’ dawk kollha li għandhom bżonn l-għajnuna. Il-fraternità u s-solidarjetà li jeħtieġ li nuru mal-membri kollha fi ħdan is-soċjetà jikkuntrastaw bil-qawwi tendenzi razzisti u n-nazzjonaliżmu estrem li bħal donnhom qed iħallu impatt dejjem akbar fuq is-soċjetà.

Il-Papa Franġisku jagħżel li jankra dan il-messaġġ ma’ mumenti mill-istorja biblika fejn Alla wkoll ried li jħares lis-soċjetà. Sa mit-Testment l-antik, Alla ried li l-komunità tħares il-fqar u lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli u bla poter. Il-ħtieġa li nieħdu ħsieb lil xulxin dehret wkoll fil-persuna ta’ Ġesù Kristu li bħala r-Ragħaj u s-Sammaritan it-Tajjeb, ma joqgħodx lura milli jħares il-merħla tiegħu kollha u jieqaf ma’ dawk kollha li l-aktar jinsabu fil-bżonn. 

B’dan kollu f’moħħna, għandna aħna wkoll naħdmu biex, bħala ċittadini ta’ din id-dinja, nuru solidarjetà mal-fqar u mal-vulnerabbli u nipproteġu n-natura u l-ġid komuni. Dawn huma il-passi l-aktar bażiċi u meħtieġa li għandna nieħdu biex noħolqu ambjent ta’ paċi. 

X’nistgħu nagħmlu aħna bħala Maltin, biex noħolqu din il-kultura ta’ solidarjetà? Kif jixhdu s-somom miġbura b’risq kampanji ta’ karità li jsiru ta’ kull sena, il-poplu tagħna diġà jinsab fit-triq it-tajba. Ħadd ma jista’ jinnega li aħna poplu ġeneruż u li lesti ngħinu lil dawk li jeħtieġu l-għajnuna tagħna. Madankollu, biex naslu għal din il-kultura ta’ fraternità u ta’ għożża li fuqha jitkellem il-Papa, jeħtieġ li neliminaw il-pika u l-għira ta’ bejnietna. Jeħtieġ ukoll li nifhmu li soċjetà ġusta ma tinbeniex bit-twarrib u l-esklużjoni ta’ dawk li ma jistgħux jikkontribwixxu lis-soċjetà. Anzi, soċjetà ġusta trid tibni kultura ta’ paċi billi l-ewwel u qabel kollox, telimina l-problema tal-esklużjoni u tieħu ħsieb lil dawk li huma mwarrbin u vulnerabbli.

Irridu nieħdu ħsieb wkoll in-natura u l-ambjent bħala r-riżorsa ewlenija li biha rridu ngħixu lkoll. Dan jimplika li għandna r-responsabbiltà li nwarrbu l-egoiżmu u n-nuqqas ta’ ta’ rispett biex nassiguraw li kulħadd ikollu aċċess għar-riżorsi bażiċi u bżonnjużi. Ladarba d-dinjità tal-bniedem ma tiddependix fuq il-poter jew il-flus li għandu, iżda fuq il-fatt li hu twieled bħala bniedem, kulħadd għandu dritt li jgawdi mir-riżorsi tad-dinja biex jgħix ħajja komda.

F’Jum il-Paċi, mela, niftakru li lkoll għandna d-dmir li noħolqu ambjent fejn kulħadd jieħu ħsieb ta’ xulxin, fejn minflok nimpikaw u niġġieldu, noħolqu ambjent ta’ solidarjetà biex lkoll ngħixu bħala aħwa. Jalla l-awtorijiet ma jonfqux il-flus u r-riżorsi f’liġijiet li jibbenefikaw lil ftit iżda fl-edukazzjoni u l-inklużjoni fis-soċjetà. Għax jekk nifhmu li aħna lkoll għandna l-istess bżonnijiet bażiċi u jekk nitgħallmu biex nieħdu ħsieb lil xulxin, il-paċi ssaltan fuq l-art.