Fil-Jum Internazzjonali tal-Fraternità Umana (4 ta’ Frar), il-Papa Franġisku ngħaqad mal-Imam ta’ Al Azhar – Ahmad Al-Tayyeb permezz ta’ avveniment li sar b’mod virtwali u li ġie ospitat f’Abu Dhabi. Dan l-avveniment jimmarka l-qofol ta’ sforz konġunt mill-Papa u l-Imam biex irawwem il-fraternità, is-solidarjetà, ir-rispett u l-fehim reċiproku bejn nies ta’ twemmin differenti.
Skont il-Kardinal Miguel Ángel Ayuso Guixot MCCJ, president tal-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Interreliġjuż, “Din iċ-ċelebrazzjoni twieġeb għal sejħa ċara li l-Papa Franġisku ilu jagħmel lill-umanità kollha biex jibnu ambjent ta’ paċi fl-inkontru tagħhom ma’ nies oħra.”
Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lis-Santa Sede biex hi ukoll, taħt it-tmexxija tal-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Interreliġjuż, tipparteċipa f’dawn iċ-ċelebrazzjoniet tal-Jum Internazzjonali tal-Fraternità Umana. Din l-istituzzjoni tal-Vatikan twaqqfet fl-1964 mill-Papa Pawlu VI bil-għan li taħdem fuq ir-relazzjonijiet u d-djalogu bejn il-Knisja Kattolika u nies oħra ta’ twemmin u reliġjonijiet differenti.
Waqt l-avveniment, il-Papa tkellem dwar il-bżonn tal-għarfien tal-fraternità komuni tagħna, bħala pass bażiku għall-paċi dinjija. Hu insista fuq fraternità bħala id miftuħa lejn l-ieħor. Fraternità ma tfissirx ċaħda tat-twemmin u l-prinċipji personali li ma jaqblux ma’ tal-oħrajn, imma dan m’għandux iżommna milli naraw lill-ieħor bħala ħuna.
Dan l-avveniment jinftiehem aħjar fid-dawl ta’ żewġ dokumenti li ġew ippubblikati riċentement. L-ewwel wieħed huwa l-enċiklika ‘Fratelli Tutti‘ li ffukat fuq il-fraternità u l-ħbiberija soċjali. Fiha, il-Papa ppreżenta dikjarazzjonijiet ta’ benevolenza u solidarjetà biex tinbena dinja aħjar, aktar ġusta u paċifika, bil-kontribut ta’ kulħadd: in-nies u l-istituzzjonijiet.
Id-dokument l-ieħor li jitfa’ iktar dawl fuq dan il-jum, huwa d-‘Dokument dwar il-Fraternità tal-Bniedem, il-Paċi fid-Dinja u l-Ħajja Flimkien ‘. Il-Papa u l-Imam qattgħu kważi nofs sena jabbozzaw dan id-Dokument qabel ma ħabbruh waqt żjara appostolika li l-Papa għamel fl-Emirati Għarab Magħquda fl-4 ta’ Frar 2019.
Filwaqt li ħafna drabi niffokaw fuq id-differenzi li jeżistu bejnietna, din il-ġurnata għandha sservi bħala tfakkira ta’ dak il-fattur komuni li jgħaqqadna lkoll – l-umanità tagħna. Jalla din il-ġurnata tħeġġiġna biex inrawmu ambjent ta’ fraternità man-nies li niltaqgħu magħhom kuljum, speċjalment ma’ dawk li għandhom twemmin reliġjuż jew politiku differenti jew li huma ta’ etniċità jew kulur tal-ġilda differenti.