Brussell, 10 ta’ Frar 2021

Il-Familja Internazzjonali tal-Organizzazzjonijiet Kattoliċi tal-Ġustizzja Soċjali (CIDSE), Pax Christi International u Justice & Peace Europe, bl-appoġġ tal-Kummissjoni tal-Konferenzi tal-Isqfijiet tal-Unjoni Ewropea (COMECE), jilqgħu l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex tipprepara leġiżlazzjoni ġdida tal-UE dwar il-katini tal-provista (supply chains).

Il-leġiżlazzjoni li qed tiġi proposta torbot legalment lill-kumpanniji biex jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem li huma rikonoxxuti internazzjonalment, u l-ambjent, waqt l-iżvilupp, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ prodotti. L-organizzazzjonijiet Kattoliċi ressqu kontribuzzjoni konġunta għal konsultazzjoni pubblika tal-UE fid-dawl ta’ din il-leġiżlazzjoni.

Permezz ta’ dan il-pass, l-Ewropa ssir l-ewwel reġjun fid-dinja li tippromulga leġiżlazzjoni bħal din. U dan billi żżomm lill-kumpanniji responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħsara ambjentali li sseħħ matul fil-proċċess kollu tal-iżvillup ta’ prodott.

Skont studju riċenti maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea, fl-UE, kumpannija waħda biss minn kull tlieta qed timplimenta l-istħarriġ ta’ diliġenza meħtieġa (due diligence). L-inizjattiva leġiżlattiva proposta, tobbliga dan l-istħarriġ biex tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ugwali bejn kulħadd.

“Issa li qed inħabbtu wiċċna ma’ kriżi globali bla preċedent, għandna bżonn, aktar minn qatt qabel, diliġenza dovuta obbligatorja tas-supply chains biex twaqqaf l-abbuż korporattiv u tiggarantixxi solidarjetà globali,” qal il-Kardinal Jean-Claude Hollerich SJ, President tal-COMECE, li esprima appoġġ għal leġiżlazzjoni Ewropea ambizzjuża bħal din.

Membri ta’ CIDSE, Pax Christi International, flimkien ma’ Kummissjonijiet tal-Ġustizzja u l-Paċi u istituzzjonijiet oħra tal-Knisja Kattolika jappoġġjaw komunitajiet vulnerabbli, li d-drittijiet tagħhom tal-bniedem spiss jinkisru u t-territorji li fihom jgħixu jispiċċaw imħassrin, kawża ta’ xi attivitajiet kummerċjali. Dawn il-komunitajiet ibatu minn marġinalizzazzjoni aktar qawwija minħabba n-nuqqas ta’ aċċess għal rikors legali u l-ġustizzja.

Permezz tal-konsultazzjoni tal-UE, l-organizzazzjonijiet Kattoliċi jappellaw lill-Unjoni Ewropea biex tadotta leġiżlazzjoni li mhux biss toffri protezzjoni sinifikanti lill-komunitajiet affettwati, iżda wkoll tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ġid komuni. Ir-regoli l-ġodda maħruġin mill-UE għandhom jobbligaw lill-kumpanniji kollha li joperaw fi ħdan l-UE biex jagħtu kont tas-supply chains tagħhom sabiex jgħinu biex jidentifikaw, jipprevjenu, jimmitigaw, u jagħtu kont tad-drittijiet tal-bniedem u l-impatt ambjentali. It-tali leġiżlazzjoni għandha tikkontribwixxi wkoll għar-rimedjazzjoni fejn id-drittijiet tal-bniedem qed jinkisru u l-effetti ambjentali kkawżati permezz ta’ attivitajiet kummerċjali.

Skont il-kontribuzzjoni konġunta, ir-regoli l-ġodda tal-UE għandhom jindikaw ukoll, b’mod ċar, l-obbligi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni Ewropea fil-monitoraġġ, l-infurzar u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet f’każ li jkun hemm nuqqas ta’ konformità. B’estensjoni, il-leġiżlazzjoni għandha tiżgura li l-vittmi ta’ ksur korporattiv ikollhom aċċess għall-qrati f’pajjiżhom stess u fil-pajjiż fejn hija bbażata l-kumpannija omm jew dik prinċipali.

Fir-rispons konġunt tagħhom għall-konsultazzjoni tal-UE, CIDSE, Pax Christi International, Justice & Peace Europe, bl-appoġġ ta’ COMECE, jenfasizzaw li kwalunkwe qafas legali Ewropew li jinħareġ fil-futur, għandu jimxi id f’id ma’ proċessi multilaterali pertinenti, b’mod partikolari l-istandards volontarji eżistenti, u x-xogħol kontinwu tal-Grupp ta’ Ħidma Intergovernattiv tal-UN dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem. Kwalunkwe leġiżlazzjoni li toħroġ mill-UE dwar obbligi ta’ diliġenza dovuta u li tipprovdi aċċess għall-ġustizzja, għandha tikkumplimenta u ssaħħaħ it-trattat vinkolanti tal-UN li bħalissa qed jiġi nnegozjat mill-Istati Membri tal-UN.