It-tnedija tal-vaċċin tista’ titqies bħala t-tama l-kbira li ħabbret is-sena l-ġdida. Hija għodda kruċjali li tista’ tgħin lill-umanità biex tegħleb jew biex titgħallem tgħix mal-virus. Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied u tas-sena l-ġdida, u l-festini tas-soltu li għadd ta’ persuni li jimpurtahom minn saħħithom għażlu li jabbandunaw, żiedu x-xenqa għal ħajja normali. Il-ħajja ta’ qabel Covid kienet tinkludi bosta laqgħat ma’ nies oħra u aktar kuntatt fiżiku, ħajja li ħafna minna setgħu ħaduha for granted.

Madankollu nistaqsi, tassew nixxennqu għar-ritorn ta’ ħajja normali kif nafuha qabel il-pandemija? Jekk xejn, bit-tbatijiet kollha tagħha, il-pandemija għallmitna numru ta’ affarijiet. L-għeluq u l-iżolament wassluna biex niskopru aptitudnijiet u passatempi li qatt ma konna nafu li kellna. Dan wassal għal apprezzament akbar tal-ħajja mal-familja. Naturalment, l-għeluq u l-iżolament ħallew wkoll effett fuq is-saħħa mentali u dan wassal biex nagħrfu l-vulnerabbiltà tar-relazzjonijiet umani u l-umanità nnifisha.

Aktar importanti minn hekk, it-tbatijiet li ġabet magħha l-pandemija fetħu għajnejna għar-relazzjoni fraġli li teżisti bejn l-umanità u l-ambjent. L-ambjentalisti u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qed iwissu dwar il-possibilità ta’ pandemiji aktar frekwenti kawża tad-degradazzjoni tad-dinja naturali u t-tibdil fil-klima. Twissijiet riċenti dwar uragani aktar frekwenti u devastanti ma jgħinux wisq biex iserrħulna rasna minn dan l-inkwiet.

Waqt li naħdmu biex nerġgħu lura għal xi forma ta’ normalità wara l-pandemija, tajjeb li nħarsu lejn it-tbatijiet li kkaġunat id-diżordni fid-dinja naturali u niftħu għajnejna għall-għażliet li nagħmlu fejn tidħol l-istil ta’ ħajja li ngħixu.

L-istil ta’ ħajja u s-sostenibbiltà tagħna kif qed jaffettwaw lill-pjaneta? Nistgħu ngħixu ħajja komda mingħajr ma nkunu ta’ piż żejjed għad-dinja fraġli tagħna? 

Problema aktar serja hija t-tbegħid tal-umanità mill-ambjent naturali, kawża ta’ dinja dejjem aktar teknoloġika, dinja li tista’ tirriżulta f’aljenazzjoni mis-sors ta’ ħajjitna. Tribujiet f’diversi foresti madwar id-dinja huma ħafna eqreb u dipendenti fuq id-dinja naturali biex jgħixu, u, bħala riżultat, jirrealizzaw li din id-dipendenza ma tistax tinvolvi sfruttament u abbuż. 

Il-kilba umana għall-eċċess fil-forom kollha tagħha, wasslet għal talbiet li qed jaggravaw il-problema ekoloġika. X’qed jikseb il-bniedem mill-ġenn tal-kostruzzjoni li għaddej bħalissa? X’wirt ħa ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet futuri?

Nistgħu nħallu impatt pożittiv permezz tal-għażliet li nagħmlu fl-istil ta’ ħajja li ngħixu. Dawn ikunu ferm aktar effettivi minn kwalunkwe riżoluzzjoni oħra. Iservu wkoll biex iħallu impatt pożittiv għall-ġejjieni. 

Fattur importanti ieħor,  huwa l-ħtieġa li l-umanità tirrikonċilja ruħha u ssib postha fir-relazzjoni tagħha mad-dinja naturali. Għandna bżonn li, b’umiltà, nerġgħu niskopru r-rispett lejn id-dinja naturali. Jeħtieġ li nerġgħu niskopru postna bħala amministraturi tal-pjaneta, biex nerġgħu niskopru l-umanità tagħna u t-tifsira tar-relazzjoni tagħna ma’ dawk ta’ madwarna. Is-sensittività tagħna għad-dinja ta’ madwarna hija riflessa fit-trattament tagħna mal-proxxmu.

Fl-aħħar mill-aħħar, permezz tal-ħarsien tal-pjaneta u l-għażla biex mmexxu t-trasfigurazzjoni tagħha, l-umanità tkun qed tippromwovi d-dinjità u s-sbuħija inerenti, fi ħdan komunità li tlaqqagħna u tittrasformana.

Dorianne Buttigieg tgħallem l-Ingliż fi skola sekondarja u għandha PhD fis-suġġett tad-djalogu ekumeniku bejn il-Kattoliċi u l-Insara Ortodossi tal-Lvant. Hija involuta wkoll fl-Istitut tal-Formazzjoni Pastorali, li fih isservi l-irwol ta’ koordinatriċi tal-kors tat-teoloġija.