L-elezzjonijiet paċifiċi li saru f’Mjanmar, f’Novembru tal-2020, ġew rikonoxxuti minn bosta bħala ħielsa u ġusti u taw lill-gvern il-ġdid mandat u obbligu biex isegwi l-għanijiet ekonomiċi u soċjali inklużivi li għalihom ġie elett.

Madankollu, bħal-lum xahar ilu, fl-1 ta’ Frar, l-armata tal-Mjanmar ħadet il-kontroll f’idejha, u dan wara li ħatfet il-mexxejja li ġew eletti b’mod demokratiku u ma ħallithomx jipparteċipaw fil-partit governattiv tal-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD). Il-kolp ta’ stat wasal wara ġranet ta’ tensjoni li kienet dejjem qiegħda tikber bejn il-gvern ċivili u l-militar. Minn dakinhar, l-arresti ma waqfux, tant li aktar minn 350 persuna ġew arrestati, inklużi uffiċjali, attivisti u reliġjużi, u bosta qed jiffaċċjaw akkużi kriminali għal “raġunijiet dubjużi”, kif spjega l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tal-UN għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-ġurnalista speċjali tal-UN dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar, Thomas Andrews, iddikjara, “bħallikieku l-ġenerali tal-armata ddikjaraw gwerra fuq in-nies tal-Mjanmar: rejds tard bil-lejl; arresti immuntati; aktar drittijiet mċaħħdin, qtugħ tal-provvista tal-internet; konvojs militari deħlin fil-komunitajiet”.

Aħna ninsabu mħassbin bir-rapporti li waslu għandna fl-aħħar jiem li jindikaw żieda sinifikanti fil-vjolenza u fl-ammont ta’ vittmi u t-tbatija li għaddejja minnha s-soċjetà u ċ-ċittadini.

F’isem il-Kumitat Eżekuttiv tal-Konferenza tal-Kummissjonijiet tal-Ġustizzja u l-Paċi Ewropea (‘Justice & Peace Europe’), nixtiequ nappoġġjaw lill-poplu tal-Mjanmar fid-difiża tagħhom tad-demokrazija u nesprimu s-solidarjetà tagħna għad-dimostranti li qed jaġixxu b’mod paċifiku. Aħna nissieħbu mal-Papa Franġisku fl-appell reċenti tiegħu indirizzat lil dawk li għandhom responsabbiltà politika biex “juru rieda sinċiera li jaqdu l-ġid komuni, jippromwovu l-ġustizzja soċjali u l-istabbiltà nazzjonali fid-dawl ta’ koabitazzjoni armonjuża u demokratika”. Nitolbu għall-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha u nappoġġjaw is-sejħa tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Mjanmar lill-awtoritajiet militari biex joqogħdu lura mill-vjolenza u jfittxu r-rikonċiljazzjoni, filwaqt li jżommu mal-prinċipji demokratiċi u jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-ħajja, tat-tortura, il-libertà tal-assemblea, tal-midja u tal-espressjoni. Aħna nilqgħu l-konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u nħeġġu lill-UE biex tuża t-toroq kollha possibbli biex tiftaħ triq għad-djalogu mal-partijiet konċernati bil-ħsieb li tiffaċilita bidla fil-poter u li dan jgħaddi f’idejn istituzzjonijiet demokratiċi leġittimi.

F’ittra tat-3 ta’ Frar 2021, il-Kardinal Charles Bo, Arċisqof ta’ Yangon (il-Mjanmar), talab lill-Ġenerali: “Għal darb’oħra nitolbukom, ittrattaw [lin-nies tal-Mjanmar] b’dinjità u paċi kbira. M’għandu jkun hemm l-ebda vjolenza kontra l-għeżież nies tagħna tal-Mjanmar ”. Aħna nibqgħu magħqudin fit-talb man-nies tal-Mjanmar. M’aħna se ninsewkom qatt. Jalla l-verità, il-ġustizzja u l-paċi jipprevalu.

Brussell, l-1 ta’ Marzu 2021

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Ġustizzja u l-Paċi Ewropa:

H.E. Mgr. Noel Treanor, Bishop of Down and Connor, President

Maria Krabbe Hammershoy, Vice-President

Stefan Lunte, General Secretary

Isabel Cuenca Anaya

Daniel Darmanin

Cécile Dubernet

Arnaud Gorgemans

Marek Mišák