Il-Kummissjoni tal-Immigranti, JRS Malta u l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, iħeġġu lill-awtoritajiet biex iwaqqgħu l-akkużi legali miġjuba kontra tliet żgħażagħ, akkużi li huma relatati mat-terroriżmu.

It-tliet żgħażagħ, li meta ġew salvati mill-vapur tal-merkanzija El Hiblu 1 fis-26 ta’ Marzu 2019 kellhom 15, 16 u 19-il sena, kienu jiffurmaw parti minn grupp ta’ aktar minn 100 raġel, mara u tfal li talbu għall-għajnuna. L-operazzjoni ta’ salvataġġ, li kienet ikkoordinata minn operazzjoni navali tal-UE, ordnat lill-vapur biex jieħu l-persuni li ġew salvati lura lejn il-Libja. Dan wassal biex l-immigranti pprotestaw kontra r-ritorn tagħhom lejn il-Libja u l-vapur eventwalment tħalla jittrakka Malta – illum diġà għaddew sentejn minn dan l-avveniment. Malli niżlu Malta, it-tliet żgħażagħ, li kienu aġixxew bħala tradutturi għall-ekwipaġġ, ġew akkużati b’terroriżmu u bi ħtif tal-bastiment.

Jekk jinstabu ħatja, dawn iż-żgħażagħ jistgħu jiffaċċjaw sentenza ta’ għomor il-ħabs. F’każ li jiġri hekk, l-azzjonijiet iddisprati tagħhom ikunu qed jinħarġu mill-kuntest drammatiku li fih seħħew. Aħna nħossu li hija travestija tal-ġustizzja li tipproċedi kontra min qed jirreżisti li jerġa’ lura pajjiżu fejn hemm ir-riskju li jinqafel f’kundizzjonijiet li jkunu ta’ theddida serja għal ħajtu.

Nafu li jekk jinqaflu f’ħabs fil-Libja, jiġu miċħuda minn aċċess għall-kura medika, u x’aktarx jiffaċċjaw swat, stupru, estorsjoni, u abbużi serji oħra li jmorru kontra d-drittijiet tal-bniedem. Fi kliem il-Papa Franġisku, “ma tistax timmaġina l-infern li wieħed jgħaddi minnu hemmhekk, f’dawk il-kampijiet ta’ detenzjoni.”

Aħna lkoll ħatja jekk nibqgħu siekta quddiem din l-inġustizzja. Għalhekk, fit-tieni anniversarju tal-wasla tagħhom Malta, infakkru lill-gvern fil-parir li kien ta l-Kummissarju tal-UN għad-Drittijiet tal-Bniedem, biex jerġa’ jikkunsidra dawn l-akkużi sproporzjonati ta’ terroriżmu. U aħna ningħaqdu biex inwasslu leħinna mal-bosta organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li tkellmu b’appoġġ għat-tliet żgħażagħ u nħeġġu lill-gvern biex iwaqqa’ l-akkużi kontrihom.

Ritratt: Amnesty International / Joanna Demarco