Photo by Christian Lue on Unsplash

Sejħa għad-djalogu bħala ċ-ċavetta għal bidliet ġusti

“Il-ħajja, bil-konfronti kollha tagħha, hija l-arti tal-laqgħa”

Fratelli Tutti, 215

1)   Kuntest: Matul is-snin li ġejjin, iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea huma msejħa biex jikkontribwixxu għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Din l-inizjattiva, proġett konġunt tal-Kummissjoni Ewropea, l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (UE), se tiftaħ dibattitu wiesa’ dwar id-deċennju li ġej għall-UE u lil hinn. L-2021 se tkun ukoll l-ewwel sena sħiħa wara Brexit u b’hekk, se tinħass il-ħtieġa li jerġgħu jinbnew konnessjonijiet pożittivi bejn ir-Renju Unit u l-ġirien tagħha.

F’dan il-kuntest, Justice & Peace Europe għażlet li, għall-2021, tiffoka l-‘concerted action’ tagħha fuq l-esplorazzjoni ta’ forom qodma u ġodda ta’ djalogu bħala ċ-ċavetta għal futur Ewropew komuni u produttiv, futur li jinkludi u jħares il-popli u n-nazzjonijiet Ewropej kollha, kemm dawk li huma fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll dawk li mhumiex.

2) Sfidi: L-UE u l-istituzzjonijiet tagħha, ffurmat f’mewġ suċċessivi mit-tieni Gwerra Dinjija lil hawn. Hi u tiżviluppa permezz ta’ fażijiet alternattivi ta’ approfondiment istituzzjonali u espansjoni ġeografika, żviluppat metodi paċifiċi biex tibbilanċja interessi (ekonomiċi) diverġenti, perspettivi (ġeografiċi) u perċezzjonijiet (storiċi) fost l-Ewropej. Madankollu, matul l-aħħar 15-il sena, l-Unjoni tħabtet sew minħabba nuqqas ta’ solidarjetà bejn il-partijiet ikkonċernati meta kienet qed tiffaċċja sfidi istituzzjonali, finanzjarji u ta’ migrazzjoni.

Illum, l-UE qed tiffaċċja bosta sfidi, fosthom sfidi kbar fil-qasam tas-saħħa pubblika, l-inugwaljanzi, instabbiltà fil-fruntieri tagħha (il-Libja, l-Ukrajna, it-Turkija, il-Belarus), iż-żieda ta’ movimenti tal-lemin estrem, soċjetajiet dejjem aktar polarizzati, kif ukoll id-deċiżjoni tar-Renju Unit biex toħroġ mill-UE. Huwa ċar li hemm sinjali ta’ diverżjoni bejn l-UE u parti mdaqqsa taċ-ċittadini tagħha. Il-kisbiet u l-potenzjal futur tal-UE jistħoqqilhom u jeħtieġu inizjattivi ġodda li jiġu mħarsa kemm min-nies eletti kif ukoll miċ-ċittadini, biex b’hekk titjieb l-kredibilità tal-UE u jitnissel sens ta’ civic ownership fost iċ-ċittadini ta’ l-istituzzjonijiet tagħha li għandu jkun evidenti wkoll fit-tfassil tal-politika tagħhom.

3) Dijanjostiċi: B’mod ġenerali, minkejja l-kisbiet reali tagħhom fil-promozzjoni tal-paċi u prosperità, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huma spiss meqjusa bħala amministrazzjonijiet burokratiċi li jaqdu biss il-ħtiġijiet marbutin mal-kultura, l-ekonomija u l-politika elitista. Minħabba bosta fatturi, l-iżvilupp tal-proġett Ewropew naqas fl-isforzi tiegħu milli jindirizza xi wħud mill-isfidi ewlenin tul l-istorja riċenti. B’mod partikolari, l-UE, il-gvernijiet u l-politiċi eletti tagħhom naqsu milli jibnu sistema koerenti u strateġija komuni fl-oqsma tad-difiża u l-affarijiet barranin. Naqsu wkoll milli jaqblu fuq proviżjonijiet fundamentali rigward t-Trattat għal “Ewropa Soċjali” li tittratta b’mod adegwat ż-żieda fl-inugwaljanzi u l-faqar ġewwa s-suq komuni. L-UE naqset ukoll milli tikkonvinċi lin-nazzjonijiet Ewropej biex jappoġġjaw bis-sħiħ lil xulxin meta jiffaċċjaw instabbiltà finanzjarja jew sfidi ta’ migrazzjoni. Fuq kollox, naqsu milli joħolqu relazzjoni aktar qariba man-nies, minkejja l-appoġġ tal-UE fuq kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-territorji u l-lingwi lokali, l-edukazzjoni, il-proġetti ta’ riċerka, l-infrastrutturi, eċċ. Huwa minnu li istituzzjonijiet oħra, bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-OSCE jiddefendu d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem b’mod attiv u huma aktar inklussivi mill-UE. Biss, huma wkoll jiffaċċjaw bosta sfidi u x-xogħol tagħhom għadu ftit magħruf jew apprezzat miċ-ċittadini Ewropej. Matul dawn l-aħħar snin, il-partiti u l-mexxejja populisti attiraw votanti diżappuntati u inkwetati billi użaw retorika nazzjonalista infjammatorja, f’logħba tipika distruttiva li fiha kulħadd iwaħħal f’ħadd ieħor.

4) Punt ta’ bidla: L-impatt tal-pandemija tal-Covid-19, wera l-ħtieġa u x-xewqa għall-bidla. Pakkett finanzjarju ta’ bosta biljuni ta’ euro li se jingħata mill-UE huwa turija ta’ solidarjetà finanzjarja vera ma’ dawk il-pajjiżi u reġjuni li huma l-iktar milquta b’mod drastiku mill-kriżi ekonomika u soċjali pprovokata mill-Coronavirus. Il-mexxejja tal-UE wrew, li minkejja kollox, in-negozjati multilaterali jistgħu jittraxxendu d-differenzi. Huwa possibbli tabilħaqq li jinstabu kompromessi għal ġid komuni li jikkunsidraw il-bżonnijiet bażiċi u l-biżgħat ta’ kull parti kkonċernata.

Biex l-UE tkabbar il-kredibilità tagħha maċ-ċittadini tagħha, jeħtieġ li tifrex u tespandi dan l-att ta’ solidarjetà għal oqsma diversi, oqsma li jvarjaw mis-saħħa pubblika u l-ġustizzja soċjali għal kooperazzjoni esterna, il-migrazzjoni u l-isfidi ambjentali. L-UE tkun rikonoxxuta miċ-ċittadini tagħha biss jekk tkun kapaċi tgħaqqad il-prosperità u l-ko-eżjoni soċjali, biex tippromwovi l-istabbiltà ġeopolitika u biex tħares l-ambjent. Iċ-ċwievet għall-bidla ġusta ma jistgħux jinstabu jekk l-UE ma tidħolx fi djalogu bilanċjat u ta’ rispett mal-ġirien tagħha.

Huwa evidenti, li hawnhekk, Brexit qed issejjaħ biex titħaddan perspettiva ġdida. Barra minn hekk, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OSCE kif ukoll in-NATO għandhom rwol importanti x’jaqdu fl-Ewropa u lil hinn. L-UE, għalhekk, għandha tippromwovi laqgħat reali ġodda ma’ dawn l-organizzazzjonijiet bil-għan li jinkiseb il-ġid komuni.

Kull organu jista’ jsir post għaċ-ċittadini Ewropej biex jiltaqgħu u jaħdmu flimkien fuq sigurtà kondiviża, fuq migrazzjoni ġestita u fuq drittijiet u responsabbiltajiet.

5) Konvinzjoni: Lil hinn min-negozjati f’mument ta’ kriżi, id-djalogu huwa ċ-ċavetta għall- bidla ġusta. Li jissolvew kunflitti permezz ta’ djalogu multilaterali – anke minn ġo ġungla ta’ burokrazija – hija t-trademark tipika ta’ istituzzjonijiet Ewropej, speċjalment l-UE. Dan jibqa’ ferm aħjar minn kampijiet ta’ battalja u aktar effettivi minn negozjati bilaterali.

Interazzjonijiet multilaterali li jsiru fuq diversi livelli, joffru esperjenza koerenti u ċertu saħħa meta niffaċċjaw sfidi akbar u meta ninnegozjaw ma’ qawwiet oħra tad-dinja. Mill-istorja tad-dinja, nagħrfu illi d-djalogu jeħtieġ qafas, impenn u rispett. Hekk kif niżviluppaw metodi għal djalogu ċiviku adegwati għal żminijietna, irridu nuru lealtà lejn l-għeruq u l-valuri komuni tagħna (l-istat tad-dritt, ir-rispett għall-proċeduri demokratiċi), awtentiċità fl-ingaġġ (billi nirrikonoxxu l-vulnerabbiltajiet, ir-riskji u l-iżbalji b’mod trasparenti, billi nindirizzaw in-nuqqasijiet) u rispett profond lejn l-identitajiet u l-biżgħat ta’ kull parteċipant. Id-diversità fil-lingwi, fir-reliġjonijiet, in-nazzjonalitjiet, l-esperjenzi differenti tal-istorja u l-modijiet differenti ta’ kif inhi pperċepita l-Ewropam huma fatturi li għandhom jiġu rikonoxxuti bħala espressjonijiet għeżiż tal-wirt komuni tagħna, aktar milli ostakli li għandhom jitħassru jew jingħelbu. Tabilħaqq, id-djalogu għandu jkun ibbażat fuq is-sussidjarjetà, jiġifieri li nrawmu sens ta’ awtonomija u kreattività lokali u ma ninsew qatt dak li jgħaqqadna.

Id-djalogu f’kull korp Ewropew għandu wkoll iżomm bieb miftuħ għaċ-ċittadini li ma jappartjenux, u, iva, anke għal nies li jgħixu f’partijiet oħra tad-dinja. Tabilħaqq, sabiex d-deċiżjonijiet ikunu tassew għaċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet u l-mexxejja għandhom jifirħu bid-diversità waqt li jissieħbu ma’ forzi avversarji. Id-djalogu veru jżomm it-tmexxija u s-smigħ, l-għaqda u d-diversità, f’bilanċ. Huwa l-metodu li joħloq il-fiduċja neċessarja biex jiġu ttrattati l-kriżijiet, billi jiffoka aktar fuq il-ġid komuni milli fuq id-denominatur komuni minimu.

6) Azzjoni: Id-djalogu huwa essenzjali, dan kollu jingħax permezz tad-djalogu.

Justice & Peace Europe – bħala netwerk Nisrani u permezz tal-kummissjonijiet tagħha – ilha tipprattika d-djalogu għal għexieren ta’ snin. Ispirati mill-Vanġelu, u mqanqla mill-ittra enċiklika Fratelli Tutti, se nipparteċipaw kemm fl-istruttura kif ukoll fil-kontenut ta’ djalogi futuri fl-Ewropa. Se nkomplu l-impenn tagħna għall-Konferenza ta’ INGOs fil-Kunsill tal-Ewropa. Se nipparteċipaw fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa billi noħolqu spazji għad-djalogu u nesperimentaw b’metodi ġodda għad-djalogu.

Fl-ispirtu ta’ Fratelli Tutti, aħna ninsistu li nisimgħu lil kull parti kkonċernata, kif ukoll naħdmu biex nassiguraw l-inklussività mal-ġirien l-iktar marġinalizzati. Se ninsistu wkoll fuq sett ta’ regoli tal-UE li jinsistu fuq djalogu ta’ rispett fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali skont regolamenti Ewropej li għandhom is-setgħa joħolqu preċedent fuq livell globali.

Il-kummissjonijiet nazzjonali tal-Ġustizzja u l-Paċi, kull meta jkun possibbli, għandhom jiddiskutu mal-politiċi u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili dwar modi kif isaħħu nkontri awtentiċi li jistgħu jwasslu għal bidla reali.

Hija t-tama tagħna li djalogi mġedda bħal dawn jgħinu lill-istituzzjonijiet Ewropej jadattaw għall-kundizzjonijiet ġodda li qed jevolvu fi żminijietna.