Fr. Joseph Hili

Fid-9 ta’ Diċembru ser inniedu Genius Vitae. Dan huwa proġett ta’ riċerka interdixxiplinari, li l-għan tiegħu, hu li jidentifika, jirrakkonta u jaqsam ma’ oħrajn, stejjer ta’ organizzazzjonijiet mid-dinja kollha. Bħala parti mill-istudji tiegħi f’Milan, ltqajt maċ-Ċentru għall-Antropoloġija tar-Reliġjon u l-Bidla Kulturali fi ħdan l-Università Cattolica del Sacro Cuore.

Aħna u niffaċċjaw bidla kostanti fil-mod kif qegħdin ngħixu, ġiegħlna nistaqsu kif il-ħajja tal-bniedem tista’ sservi bħala xi ħaġa li tgħallimna. Dan wassal għal attitudni ġdida li saret indispensabbli: jiġifieri li titgħallem fuq il-ħajja; biex titkellem mill-ħajja aktar milli dwar il-ħajja. Hija biss l-esperjenza dinamika tal-ħajja tagħna li tpoġġina f’moviment u għalhekk, ma nistgħux innaqqsuha għal oġġett sempliċi li nistgħu nikkontrollaw. Bdejna nsegwu diversi organizzazzjonijiet li permezz ta’ xogħolhom, jistgħu jgħallmuna xi ħaġa fuq il-ħajja. Aħna nqisu dawn l-organizzazzjonijiet bħala katalisti fl-iżvilupp ta’ esperjenzi sinifikanti u sostenibbli fiż-żewġ artijiet tal-fruntiera marġinalizzati tal-ħajja soċjali tagħna: il-fruntiera tal-fraġilità umana fil-ħafna espressjonijiet tagħha (faqar, solitudni, esklużjoni, mard) u l-art tal-fruntiera tal-ispiritwalità u l-ftuħ għat-traxxendenza, ukoll fil-ħafna espressjonijiet tagħha (talb, kontemplazzjoni, arti).

Uħud mill-kliem muftieħ li se jittratta dan il-proġett huma: Abbundanza żejda; Alterità; Traxxendenza; Fraġilità, Esperjenza u li wieħed jaqsam dak li għandu ma’ oħrajn. L-esperjenza umana, bil-mod dinamiku tagħha tesperjenza dan kollu. Il-ħajja tirrikjedi li wieħed jintelaq biex jifhem il-limitazzjonijiet tagħha; aspett li jista’ jiġi mqabbel mal-kontemplazzjoni u l-ftuħ għall-infinità.

Tweġiba għar-riduzzjoniżmu tekno-xjentifiku

Il-proġett beda ftit taż-żmien ilu bħala tweġiba modesta, iżda fattibbli għal xenarju globali kontemporanju ddominat minn espansjoni kontinwu tal-iżvilupp tekno-xjentifiku. Meta rriflettejna dwaru, osservajna li dan il-fenomenu jaf ikun problematiku għax inaqqas il-ħajja umana għal sempliċiment oġġett kontrollabbli u li jintrema. Minn banda, dan l-iżvilupp jimbotta lejn tisħiħ fil-bniedem, bħallikieku l-umanità nnifisha kienet biss limitu biex tingħeleb (“trans-uman”); mill-banda l-oħra, iwassal biex aspetti sħaħ tal-umanità jiġu meqjusa bħala skart, sempliċiment minħabba n-nuqqas ta’ kompetittività fihom (“in-human”). Il-punt tat-tluq, allura, huwa tentattiv biex naħsbu mill-ġdid fuq il-konkretezza tal-ħajja umana, magħmula simultanjament minn abbundanza żejda u mil-limiti, minn fraġilità u mit-traxxendenza. B’dan il-mod biss il-ħajja tal-bniedem tista’ terġa’ tkun esposta għal dik l-alterità, u ssalvaha milli tiġi ridotta għal oġġett.

Riċerka interdixxiplinarja unika

L-isem tal-proġett jista’ jidher stramb, iżda għandu tifsira profonda ħafna. It-terminu “Genius Vitae” ifisser li l-bniedem jista’ jiġġenera tweġiba ħielsa u kreattiva għall-esperjenzi kollha li jibdew bir-relazzjoni mal-proxxmu u ma’ Alla. Matul is-sekli, it-tradizzjoni Nisranija ħolqot u żviluppat bla waqfien, forom soċjali ġodda li kapaċi jagħtu valur lill-umanità kollha (monasteri, sptarijiet, skejjel, komunitajiet, intrapriżi, banek kooperattivi, eċċ.). Ipprovdiet “ġenjalità” ġenwina bbażata fuq il-konkretezza tal-ħajja umana.

It-terminu “Universitas Experientiae” jiddefinixxi l-attentat li sar biex tinġabar u biex jingħata valur lill-għarfien iġġenerat minn esperjenzi konkreti. Dan l-għarfien ma jistax jiġi ridott għal proprjetà suġġettiva jew informazzjoni astratta. Għal din ir-raġuni, il-proġett għandu l-għan li jxerred dan l-għarfien mifrux u jgħaqqad lin-nies flimkien, billi jiftaħ it-triq għal tfittxija għal art komuni (“universali”) u jistimula t-twelid ta’ forom ġodda ta’ tagħlim u edukazzjoni (“università”).

Mod ġdid kif nirrakkontaw il-ħajja umana

Aħna ser inniedu dan il-proġett sabiex organizzazzjonijiet mid-dinja kollha jsiru jafu dwaru u jkunu jistgħu jagħmlu kuntatt magħna. Genius Vitae jiffoka fuq ir-rakkont ta’ stejjer ta’ organizzazzjonijiet (istituzzjonijiet, assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet, intrapriżi, eċċ.) li għandhom esperjenza fil-qasam tal-fraġilità umana jew l-ispiritwalità umana. Uħud mill-istejjer diġà qegħdin fuq il-websajt tagħna: www.geniusvitae.org. Dawn iż-żewġ aspetti jservu bħala punt tat-tluq biex iżidu l-fehim tagħna tal-ħajja umana. Għalina dan huwa l-punt tat-tluq biex insiru nafu kif, waqt li nħaddnu l-esperjenza umana f’dawn il-mumenti, naslu biex nitgħallmu mill-ħajja u biex b’hekk, dan isir għerf komuni.