Bħala awguri tal-Għid nixtiequ niftakru fil-kliem tal-Papa Franġisku fl-eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium:

Il-qawmien ta’ Kristu mhux ħaġa tal-imgħoddi; fih hemm qawwa ta’ ħajja li daħlet u xterdet mad-dinja.  Fejn donnu kollox mejjet, jerġgħu jispuntaw minn kullimkien ir-rimjiet tal-qawmien.  Hi qawwa li m’hemmx bħalha.  Hu minnu li spiss jidher qisu Alla ma jeżistix: naraw madwarna inġustizzji, ħażen, indifferenzi u kefrija li ma jonqsux.  Imma dasqhekk ieħor hu ċert li qalb din id-dalma dejjem tibda tixtered xi ħaġa ġdida, li llum jew għada se tagħmel il-frott.  F’għalqa kollha xewk terġa’ titfaċċa l-ħajja, stinata u qatt mirbuħa.  Sa jkun hemm bosta ħwejjeġ koroh, imma t-tajjeb dejjem jerġa’ lura biex iwarrad u jixtered.  Kuljum fid-dinja tagħna qed jinbet mill-ġdid il-ġmiel, li jixref mill-ġdid minn qalb it-taqlib tal-istorja.  Il-valuri dejjem jidhru mill-ġdid f’għamliet ġodda, u fil-fatt il-bniedem bosta drabi jitwieled mill-ġdid minn qagħdiet li jidhru li ma jistgħux jitreġġgħu lura.  Din hi l-qawwa tal-qawmien u kull evanġelizzatur hu għodda ta’ din il-qawwa. (276)

Din hija t-tama u l-ferħ li jġib l-Għid.

Nifhem li l-ferħ mhux kulħadd jgħixu bl-istess mod fl-istadji u ċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja, kultant iebsin mhux ftit.  Dan jadatta ruħu u jinbidel, imma dejjem jibqa’ tal-inqas bħala xaqq ta’ dawl li ġej miċ-ċertezza personali li, lil hemm minn kollox, aħna maħbuba bi mħabba bla qies.  Nifhimhom dawk il-persuni li iktar ixaqilbu lejn id-dwejjaq minħabba fid-diffikultajiet kbar li jkollhom iġarrbu, imma naqra naqra hemm bżonn inħallu jitqanqal fina l-ferħ tal-fidi, bħal tama moħbija imma sħiħa, anki qalb l-eħrex diqa: “Ruħi nqatgħet mis-sliem, il-ġid insejtu…  Dan jien nhewden f’qalbi, biex b’hekk nittama.  Il-ħniena tal-Mulej bla tmiem; tjubitu ma tonqos qatt.  Jiġġeddu kull filgħodu, kbira l-fedeltà tiegħek…  Tajjeb min jistenna fis-skiet, is-salvazzjoni tal-Mulej” (Lam 3:17,21-23,26). (6)

Nixtiequ Għid tajjeb u mimli ferħ lil kulħadd!
Dettall mill-Arrazzi li jinsabu fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann, Belt Valletta