Illum Papa Franġisku wasslilna omelija qawwija dwar ir-responisabbiltajiet tagħna lejn il-persuni foqra u vulnerabbli. Jitkellem dwar realtà li tinsab kullimkien fid-dinja, u l-punti li jisħaq fuqhom huma tassew materjal ta’ min jixtarru.

Imma llum nixtieq nieqaf fuq kelma ta’ Ġesù.  Sitt ijiem qabel l-Għid – ninsabu propju fuq l-għatba tal-Passjoni –  Marija tagħmel dan il-ġest ta’ kontemplazzjoni: Marta kienet qed isservi – bħalma naraw fil-pass l-ieħor – u Marija tiftaħ il-bieb tal-kontemplazzjoni.  U Ġuda jaħseb fil-flus għall-foqra però “mhux għax kien jimpurtah mill-foqra, imma għax kien ħalliel, u, billi hu kien il-kaxxier, kien jisraq kulma kienu jaqilgħu” (Ġw. 12,6).  Din  l-istorja tal-amministratur diżonest hija dejjem attwali, minn dejjem kien hawn, anki f’livelli għolja: naħsbu ftit f’xi organiżżazzjonijiet ta’ benefiċjenza jew umantarji li jimpjegaw bosta nies, wisq, u għandhom struttura għanja ta’ ħaddiema u fl-aħħar għand il-foqra jaslu erbgħin fil-mija għax is-sittin fil-mija jmorru għall-pagi għand dawn il-ħafna nies li jaħdmu fl-organizzazzjoni.  Hu mod kif tieħu l-flus tal-foqra.  Iżda t-tweġiba huwa Ġesù.  U hawn irrid nieqaf: “Infatti l-foqra ssibuhom dejjem magħkom” (Ġw. 12,8).  Din hi verità:  Infatti l-foqra ssibuhom dejjem magħkom” (Ġw. 12,8).  Il-foqra jinsabu hawn.  Hawn ħafna minnhom: hemm il-fqir li aħna ma narawhx, imma din hi biss parti żgħira; il-biċċa l-kbira tal-foqra huma dawk li ma nafux bihom: il-foqra moħbijin.  U aħna ma narawhomx għax nidħlu f’dil-kultura ta’ indifferenza negazzjonista, u niċħdu: “Le, le, m’hawnx wisq, ma jidhrux; iva.. dak il-każ…” u nċekknu dejjem ir-realtà tal-foqra.  Madankollu hemm ħafna u ħafna minnhom.

Inkella, anki jekk ma ninħakmux minn dil-kultura tal-indifferenza, hemm id-drawwa li lill-foqra nqisuhom tiżjin tal-belt: iva, jeżistu, bħall-istatwi; iva, jeżistu, jidhru; iva, dik ix-xwejħa li titlob il-karità.. dak l-ieħor…Imma nqisu kollox ħaġa normali.  Parti mit-tiżjin tal-belt hi li jkollha l-foqra.  Imma l-biċċa l-kbira minnhom huma foqra vittmi tal-politika ekonomika, tal-politika finanzjarja.  Xi statistiċi reċenti jiġbru kollox hekk: hawn ħafna flus f’idejn il-ftit u tant faqar f’ħafna u ħafna oħrajn.  U dan hu l-faqar ta’ tant nies vittmi tal-inġustizzja strutturali tal-ekonomija tad-dinja.  U hawn ħafna foqra li jistħu juru li ma jwasslux sal-aħħar tax-xahar; tant foqra fil-klassi medja, li bil-moħbi jmorru l-Caritas jittallbu u jħossuhom jistħu.  L-għadd tal-foqra hu dejjem akbar minn dak tan-nies sinjuri; ferm u ferm akbar.  U dak li jgħid Ġesù hu minnu: “Infatti l-foqra ssibuhom dejjem magħkom”.  Imma jien narahom?  Jien konxju minn dir-realtà?  Fuq kollox mir-realtà moħbija, dawk li jistħu jgħidu li ma jwasslux sal-aħħar tax-xahar.

Niftakar fi Buenos Aires kienu qaluli li fil-bini ta’ fabbrika abbandunata, li kienet ilha vojta snin, kienu jgħixu 15-il familja li kienu waslu hemmhekk fl-aħħar xhur.  Jien mort hemm.  Kienu familji bit-tfal u kienu okkupaw kull rokna tal-fabbrika abbandunata biex jgħixu fiha.  U osservajt li kull familja kellha mobbli tajbin, għamara li jkollha l-klassi tan-nofs, kellhom it-televixin, imma marru hemmhekk għax ma setgħux iħallsu l-kera.  Il-foqra l-ġodda li jkollhom iħallu djarhom għax ma jistgħux iħallsu, u marru hemmhekk.  Hija l-inġustizzja tal-organiżazzjoni ekonomika u finanazjarja li ġġibhom f’dil-qagħda.  U hawn ħafna u ħafna, tant li għad niltaqgħu magħhom fil-ġudizzju.  L-ewwel mistoqsija li għad jagħmlilna Ġesù tkun: “Kif tmur mal-foqra?  Tajthom jieklu? Meta kien il-ħabs mort iżżuru?  L-isptar mort tarah?  Għint lill-armla, lill-orfni?  Għax hemmhekk kien hemm jien”.  U fuq dan se nkunu ġudikati.  M’aħniex se nkunu ġġudikati fuq il-lussu jew il-vjaġġi li nagħmlu jew fuq l-importanza soċjali li kellna.  Se nkunu ġġudikati fuq kif irrelatajna mal-foqra.

Imma jekk jien illum ninjora lill-foqra, inwarrabhom fil-ġenb, nemmen li ma jeżistux, il-Mulej jinjora lili fil-jum tal-ġudizzju.  Meta Ġesù jgħid: Il-foqra ssibuhom dejjem magħkom”, ifisser: “Jien dejjem magħkom fil-foqra.  Inkun preżenti hemmhekk.  U dan ma jfissirx li tkun komunista, dan hu l-qofol tal-Evanġelju: il-ġudizzju tagħna fuq dan se jsirilna.

Miġjub mis-sit Laikos.org, traduzzjoni mit-Taljan minn Joe Huber.