X’inhi il-ġimgħa Laudato si? u x’hemm speċjali dwar din il-ġimgħa?
Il-ġimgħa Laudato Si’ tiċċelebra l-ħames anniversarju tal-enċiklika tal-Papa Franġisku fuq il-ħarsien tad-dar komuni tagħna. It-tema għal din l-okkażjoni hi “kollox hu konness”, fejn bejn is-16 u l-24 ta’ Mejju 2020, numru ta’ attiviatjiet huma ppjanati mad-dinja kollha fuq stedina tal-Papa Franġisku lil-Kattoliċi sabiex jirriflettu u jieħdu azzjoni matul din il-ġimgħa speċjali.
Qed ngħixu mumenti ta’ tibdil storiku, u kullimkien in-nies qed tokrob għal-tama ġdida. Il-fidi tagħna hija meħtieġa biex iddawwal it-triq, u Laudato Si’ tista’ sservi biex tifħilna għajnejna, u tgħallimna kif naffaċċjaw dawn iċ-ċirkostanzi biex inkunu nistgħu nibnu dinja aħjar flimkien. Il-Papa Franġisku qed jistedinna biex maqgħudin fis-solidarjeta’, ndawwlin mit-tagħlim ċar u sabiħ ta’ din l-enċiklika nibnu futur aktar sostenibbli.
Din is-sena wkoll, jagħlaq iż-żmien għal pajjiżi kollha biex iħabbru liema miżuri ser jadottaw biex jilħqu l-għanijiet tal-ftehim fuq il-klima ta’ Pariġi, fil-waqt li n-Nazzjonijiet Maqgħuda (UN) ser torganizza konferenza fuq il-biodiversita’, fejn l-umanita’ ser ikollha l-opportunita tistabilixxi miri biex jiġu protetti id-diversi spazji u speċi li jsostnu l-ħajja.
Imma kif jidħol Laudato Si f’dan kollu?
L-enċiklika Laudato Si, hija sejħa għall-umanita’ kollha, irrispettivament mit-twemmin reliġjuż. Din tenfasizza l-fatt li l-pjaneta tagħna qiegħed f’ periklu, b’ theddida għal kull tip ta’ ħajja fid-dinja, imma b’mod speċjali għal dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Ma’ tiddiskutix biss it-tibdil fil-klima u l-ekoloġija integrali, imma tistieden lil kulħadd biex ibiddel l-istil ta’ ħajja tiegħu – stil ħafna drabi mibni fuq l-egowiżmu u r-rebgħa. Issejjaħ biex nirrispettaw iktar l-ambjent b’sens ta kura u responsabilita’ fir-rigward tad-dar komuni tagħna, b’sens ta’ altruiżmu u ġenerożita’. It-tagħlim ta’ din l-enċiklika huwa tassew relevanti fil-kuntest tal-pandemija li waslet id-dinja biex tieqaf. Laudato Si toffri viżjoni ta’ dinja li ma’ tħalli lil ħadd jaqa’ lura.
Aħna l-bnedmin ma’ aħna bl-ebda mod superjuri fuq in-natura, filwaqt li jekk nitraskuraw l-ambjent inkunu qed nitraskuraw lilna nfusna. Id-dinja hi konnessa ekonomikament, speċjalment permezz tat-teknoloġija, li huwa fatt posittiv, pero ma rridux ninsew li l-bniedem għandu jibqa’ ċ-ċentru f’dan kollu. L-enċiklika issaqsi jekk it-tkabbir ekonomiku li esperjenzajna huwiex ta’ natura sostenibbli; issaqsi wkoll ir-raġuni għala għadu jeżisti l-faqar; u kif il-politika tista’ twassal għal-żvilupp integrali.
Ejja nużaw din il-ġimgħa biex inqajmu u niddiskutu r-relevanza ta’ dawn is-suġġetti f’ħajjitna u l-ispazji tagħna. Kif ukoll nissuġerixxu metodi u mezzi li nistgħu naddottaw sabiex nassiguraw li jkollna ħajja mimlija ġid billi nitrattaw id-dar komuni tagħna bl-imħabba u r-rispett li jixirqilha. Il-ftuħ ta’ qlubna għad-diskussjoni, tista’ twassal għal “revoluzzjoni qawwija”, kif iddiskreviha l-Papa , li tista’ tiġi milħuqa billi naddottaw tibdil fl-istill ta’ ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, filwaqt li ninkoraġġixxu mġieba simili fil-komunitajiet u gruppi li nappartjenu fihom.
Nittamaw li din il-ġimgħa twassalna għal trasformazzjoni, u wara li nissuperaw din il-kriżi tal-mument permezz tat-talb, tar-riflessjoni u billi flimkien nipreparaw għall-dinja aħjar, kemm għalina kif ukoll għal dawk li ser jiġu warajna.
Ara aktar dettalji fuq din il-ġimgħa hawn: https://laudatosiweek.org/activities/ Minħabba li ħafna mill-attivitajiet se jkunu online tista’ tieħu sehem f’attivitajiet minn madwar id-dinja kollha
Tista taqra l-Enċiklika Laudato Si’ hawn: http://www.laikos.org/LSi_text.htm