Il‑bniedem, mhux l‑‘alla tal‑flus’, għandu jkun fiċ‑ċentru tas‑sistemi soċjali u ekonomiċi, jekk irridu li ssaltan il‑ġustizzja soċjali.Dan hu l‑messaġġ ewlieni tad‑dokument ippubblikat mill‑Kummissjoni Ġustizzja u l‑Paċi u l‑Kummissjoni Emigranti tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, li jfakkar il‑Jum Dinji għall‑Ġustizzja Soċjali, llum it‑Tlieta, 20 ta’ Frar. Illum mistednin niftakru li l‑faqar hu reali u li hemm wħud minnha li qed jitqabdu biex jgħixu, u li aħna msejħin nieħdu azzjoni konkreta biex jinqered il‑faqar f’kull forma tiegħu, għax kif qal il‑Papa Franġisku fl‑Anġelus t’Ottubru li għadda: “Il‑faqar mhuwiex sfortuna inevitabbli: il‑kawżi tiegħu jridu jiġu identifikati u jitneħħew.”Bħalma t‑tema magħżula mill‑Nazzjonijiet Magħquda għall‑Jum Dinji għall‑Ġustizzja Soċjali 2018 tiffoka fuq il‑migrazzjoni, id‑dokument jirrifletti dwar kif nagħmlu l‑liġijiet u l‑policies ta’ Malta dwar il‑migrazzjoni u l‑ażil aktar ġusti, billi niffukaw fuq in‑nies. Isejjaħ ukoll lill‑Gvern biex jimplimenta l‑miżuri li ġejjin, li għandhom jipprovdu trattament iktar ugwali għall‑immigranti u r‑refuġjati li qed jgħixu fostna:
Li jinħoloq qafas legali b’saħħtu biex jipproteġi lill‑ħaddiema immigranti, partikolarment meta r‑reklutaġġ u t‑tħaddim tagħhom qed jiġi ffaċilitat biex ikompli jiżdied it‑tkabbir ekonomiku kif ukoll jiġi assigurat li dawn il‑bnedmin ma jitqisux sempliċiment bħala xogħol irħis li jintrema meta m’hemmx iktar bżonnu.
Li jitqiesu l‑bżonnijiet tal‑benefiċjarji ta’ protezzjoni biex ikollhom stabbiltà u inklużjoni sħiħa fis‑soċjetà tagħna, u jitranġaw il‑liġijiet taċ‑ċittadinanza tagħna biex jiffaċilitaw l‑aċċess tagħhom għaċ‑ċittadinanza.
Il‑benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja jingħataw id‑dritt li jerġgħu jingħaqdu mal‑familji tagħhom f’Malta. Hu impossibbli li n‑nies jerġgħu jibnu ħajjithom jekk parti minnhom tkun f’pajjiż ieħor, possibbilment f’riskju ta’ periklu.
Li jiġu aċċettati s‑sejħiet għall‑ħolqien ta’ mezz legali li jirregolarizza lill‑immigranti li ma jistgħux jirritornaw lura u li għamlu Malta d‑dar tagħhom, sabiex jippermettilhom jgħixu b’dinjità u jiksbu l‑potenzjal sħiħ tagħhom.
Filwaqt li dawn ir‑rakkomandazzjonijiet huma primarjament indirizzati lill‑Gvern, bħala l‑entità li għandha s‑setgħa li twettaq il‑bidliet leġiżlattivi meħtieġa, il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u l-Kummissjoni Emigranti jisħqu li hu d‑dmir tal‑Insara kollha li jaħdmu għall‑ġustizzja. L‑appell jgħodd għalina kollha biex naħdmu għall‑promozzjoni tal‑ġustizzja lejn l‑immigranti u r‑refuġjati fil‑ħajja tagħna ta’ kuljum, speċjalment matul żmien ir‑Randan, billi:
Niġġieldu kontra l‑indifferenza f’ħajjitna, nerġgħu naħsbu dwar l‑għażliet tal‑istil tal‑ħajja tagħna u nkunu aktar konxji tal‑ħtiġijiet ta’ ħaddieħor;
Nilqgħu lill‑barrani – inwarrbu l‑barriera ta’ difiża, biża’ u indifferenza u niftħu qlubna, il‑komunitajiet u l‑parroċċi tagħna għall‑immigranti u r‑refuġjati;
Nirrispettaw id‑dinjità tal‑immigranti u r‑refuġjati billi: niżguraw li t‑trattamenti kollha tagħna magħhom ikunu kkaratterizzati b’rispett u ġustizzja; nieqfu għall‑intolleranza, il‑preġudizzju, ir‑razziżmu u l‑istmerrija qawwija lejn il‑barrani; u nqisu lil kull immigrant u refuġjat bħala persuna bħalna;
Naħdmu biex niksbu ugwaljanza vera billi nagħmlu l‑parti tagħna ħalli niżguraw li l‑kawżi strutturali tal‑faqar u l‑inġustizzja jiġu indirizzati minn dawk li għandhom is‑setgħa li jagħmlu dan.
Id‑dokument, filwaqt li jirrikonoxxi d‑diffikultajiet dejjiema f’din il‑battalja għall‑ġustizzja soċjali, iħeġġeġ lil kull wieħed u waħda minna biex ma jitlifx it‑tama, bl‑għarfien li qed naħdmu biex niksbu s-saltna ta’ Kristu Rxoxt, li “jġib il-ġustizzja lill‑ġnus”.