Għajnejn żoroq, kannella, ħodor jew suwed. Xagħar bjond, kannella jew iswed. Ġilda ċara jew skura. Jista jkun iktar ikkulurit min hekk? Aħna ngħixu f’dinja miżgħuda b’ilwien differenti, fejn tiżboq bi sbuħija ta’ meta dawn il-kuluri jitħalltu u jingħaqdu, fejn joħolqu leħħiet t’ilwien uniċi. Ma jeżistix roża mingħajr aħmar u abjad, bħal ma’ jistax ikun hemm aħdar mingħir isfar u blu. B’hekk naraw kif il-kuluri jiddependu wieħed fuq l-ieħor, filwaqt li kull kulur għandu l-importanza tiegħu. L-istess japplika għalina l-bnedmin, fejn qatt ma tista’ tiġi ġġustifikata diskriminazzjoni abbażi ta’ razza.
F’ħafna okkażjonijiet naraw kif l-egħruq tar-razziżmu jinsabu f’qalb il-bniedem, ġeneralment miżrugħa hemm mingħajr ir-rieda tagħna, sforz it-trobbijja u l-kultura li aħna esposti għaliha. Din tista’ twassal għal ħsibijiet u azzjonijiet li anqas biss nipperċepixxu li huma ta’ natura razzista, pero xorta jitilqu min bażi preġudikattiva. Din l-attitudni ta’ superjorita’ hi evidenti meta ċerti gruppi tas-soċjeta’ jitqiesu bħala ta’ livell baxx, imsejħa kriminali jew saħansitra li mhumiex kapaċi jikkontribwixxu lejn is-soċjeta’. Ir-razzismu jista’ jkun fuq livell instituzzjonali, meta ċerta prattiċċi jew tradizzjonijiet imorru kontra l-ġustizzja soċjali. Meta dawn l-episodji jseħħu b’mod kkummulattiv, konsegwenza ta’ dan jinħolqu strutturi li l-bażi tagħhom hi dik tal-vjolenza u l-inġustizzja, fejn kulħadd isir kompliċi ta’ atti razzisti.
Madwar id-dinja kollha, qed naraw żieda allarmanti ta’ xenofobija, razziżmu u ntolleranza, fejn jinkludu wkoll żieda f‘atti ta’ mibgħeda, anti-Semitiżżmu u persekuzzjoni kontra persuni ta’ diversi twemmin. B’effett ta’ dan, ir-razziżmu hu ta’ deterrent għal kultura tagħna. Il-mibgħeda qed issir in-norma f’demokraziji liberali kif ukoll reġimi awtoritarji, fejn konsengwenza ta’ dan iwasslu għad-deterjorazzjoni tal-għaqda fil-komuniuta’. Diskorsi politiċi qed ikunu użati sempliciment għal gwadann politiku, li jwasslu għal stigma fost il-gruppi fil-minoranza, bħall-imigranti, r-reffuġjati u dawk il-gruppi l-oħra li jiġu referuti bħala “l-oħrajn”. Dan idgħajjef l-unjoni soċjali u l-valuri komuni, jagħtu ċans għal żieda fil-vjolenza, fejn konsegwenza t’hekk, jostakkolaw il-paċi, l-istabilita’ u d-dinjita’ tal-bniedem.
Wasalna f’punt fejn hemm bżonn urġenti ta’ konverżjoni ġenwina tal-qlub tagħna, sabiex tkun tista’ sseħħ din il-bidla u riforma tas-soċjeta’. Dan biss jista’ jwassal għal-apprezzament tad-diversi lwien u kuluri li jsebbħu iċ-ċiviltajiet li ngħixu fihom. It-triq sabiex titwettaq din il-konverżjoni hi twila, filwaqt li din il-bidla trid isseħħ kemm fuq bażi ndividwali, kif ukoll dik nazzjonali. Biex inkunu nistgħu inwettqu l-wegħda ta’ liberta’, ugwaljanza u ġustizzja għal kulħadd, nistaw nikkunsiddraw dawn il-possibilitajiet:
Biex din il-bidla tkun effettiva, hu essenzjali li l-oqfsa instituzzjonali jirriflettu dawn l-idejoloġiji. Kull Gvern għandu jiżgura li l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi fi ħdanu, ma’ jwettqux ebda forma ta’ diskriminazzjoni; jwiegħdu li ma jiddifendux jew ikunu ta’ sapport għal diskriminazzjoni razzista; filwaqt li jimplementaw proċeduri, regoli u liġijiet li huma ġusti u ugwali għal kulħadd.
Is-sistemi edukattivi huma ta’ pjattaforma b’saħħitha li jistgħu jkabbru l-għarfien soċjali, filwaqt li jġorru elementi li huma essenzjali sabiex isseħħ din il-bidla. Jekk flimkien ma dawn, jingħaqdu wkoll istituzzjonijiet tal-Knisja u oħrajn ta’ natura ċivika u soċjali, ikun hemm ħidma konġunta fejn ikun possibbli biex din il-bidla tkun ta’ suċċess. Dan jirrikjedi li dawn l-istituzzjonijiet ikunu ta’ eżempju, jixprunaw bidla fil-ħsieb kif ukoll jħawlu fis-soċjeta’ t’għada l-elementi li huma neċessarji għal-formazzjoni ta’ komunita’ sensibli. Jekk il-ġlieda kontra r-razzismu tiġi kkonfrontata permezz tal-inġustizzji li ġġib magħha, hekk biss jista jwassal għal fejqan soċjali.
Bħala nsara, fi Kristu nistgħu insibu is-saħħa u l-grazzja sabiex dan il-vjaġġ ikun ta’ suċċess. Aħna lkoll imsejħa biex inkunu lesti nisimgħu b’qalb miftuħa l-istejjer traġiċi ta’ dawk il-ħafna li kienu vittmi tar-razziżmu, peress li l-iktar mod effetiv ta’ kif wiehed jista’ jippromwovi l-ġustizzja, hu permezz tal-empatija. Dan hu essenzjali biex ikollna relazzjoni b’saħħitha m’Alla, ma’ xulxin kif ukoll mal-bqija tal-ħolqien t’Alla.
Hemm bzonn li ningħaqdu u naħdmu flimkien ħalli s-sbuħija tal-kuluri kollha li jirriflettu ħajjitna, u d-diversi soċjetajiet u nazzjonijiet, ikunu ħielsa biex jiddu. Dan jista’ jkun possibbli jekk inkunu ġusti fl-azzjonijiet li nagħmlu u nirrispettaw id-drittijiet leġġittimi tad-diversi individwi li huma parti mis-socjeta’ tagħna. Din il-verita’ fundamentali ġiet iddikjarata’ sa mill-ewwel siltiet li nsibu fil-Ġenesi, “Alla qal: u jien nagħmlek fuq xbieha tiegħi. Hekk Alla ħalaq lil bniedem fuq xbieha tiegħu, fuq xbieha t’Alla u ħalaqhom”.