Joseph Hili hu qassis Għawdxi li bħalissa qed jistudja x-xjenzi Politiċi u Soċjali ġewwa l-Universita Cattolica del Sacro Cuore ġewwa Milan.  Hekk kif qed jgħix fiċ-ċentru tal-epidemija tal-corona virus, qed jaqsam magħna dawn il-hsibijiet, bħala riflessjoni tal-ġrajjiet kurrenti li qed taffaċċja d-dinja. 

Fl-artiklu tieghu hemm referenza għal dak li l-Papa Franġisku jsosstni fl-enċiklika Laudato Si, li “Kollox hu relatat, kollox hu konness”.  Rajna kif id-dinja kollha hi konnessa, hekk kif problema li oriġinat ġewwa villaġġ żgħir fiċ-Ċina, ġiet trasmessa b’mod allarmanti madwar id-dinja kollha.

Jsostni kif dawn ir-rejaltajiet iġagħluna napprezzaw l-importanza u s-sbuħija ta’ abitudnijiet sempliċi li nwettqu bl-inqas ħsieb ta’ kuljum, bħal meta nagħmlu x-xirja, niltaqgħu ma’ sħabna, nużaw tal-linja jew nieħdu t-tfal sal-bandli.  B’dawn ir-restrizzjonijiet li qed naffaċċaw illum nirrejalizzaw kemm aħna vulnerabbli, fejn ħadd m’hu superjuri fuq ħadd u xejn.  B’hekk, f’dawn il-mumenti straordinarji nistaqsu x’inhu l-iktar importanti f’ħajjitna:  is-saħħa jew l-ekonomija?, tkabbir ekonomiku jew meljorament tal-ħajja; ħajja jew mewt?.

B’hekk dan hu mument ta’ bidla għall-umanita’. Hemm bżonn li jsir xogħol kemm fuq livell individwali, kif ukoll fuq livell nazzjonali, sabiex napprezzaw il-fraġilita’ tagħna u b’hekk inrażżnu s-sens ta’ ftaħier u nikbru fl-umilta’.  Ukoll, naċċettaw ir-rejalta’ li d-dinja hi inter-konnessa fuq numri ta livelli, b’hekk insiru konxji li kulhadd għandu responsabilita’ lejn id-dinja u l-umanita’. Il-mod ta’ kif jista’ jiġi mrażżan dan il-virus hu billi kulħadd ikun responsabli u sensibli, b’hekk tkun tista’ tiġi sostnuta idejoloġija neċessarja sabiex b’mod kollettiv nibnu futur aħjar għal popolazjonjiet tal-lum u ta’ għada.