Lejn soċjetà aktar magħquda

Il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta nediet dokument għad‑diskussjoni bil‑għan li tħeġġeġ liċ‑ċittadini Maltin jirriflettu fuq kif bħala pajjiż nistgħu naħdmu sabiex tkompli tinbena l‑paċi, filwaqt li nsawru soċjetà li tippromwovi l‑ġid komuni u ttejjeb il‑benessri tal‑persuni, speċjalment dawk l‑aktar vulnerabbli. 

Dan id‑dokument bl‑isem ta’ ‘Yahad’, terminu bl‑Ebrajk li jirreferi għas‑sens ta’ għaqda u komunità, hu maqsum fi tliet taqsimiet: l‑ewwel dwar il‑ġrajjiet li kixfu l‑ġrieħi tas‑soċjetà Maltija, it‑tieni dwar il‑virtujiet li jistgħu jservu ta’ gwida matul il‑proċess ta’ fejqan, rikonċiljazzjoni u tiġdid tas‑soċjetà, u t‑tielet dwar l‑impenn fil‑prattika ta’ kull ċittadin favur soċjetà li, bħalma jisħaq il‑Papa Franġisku, twarrab “il‑kultura tal‑ħela” u tagħmel post għall‑“kulturatal‑laqgħa”. 

Waqt konferenza tal‑aħbarijiet fil‑Kurja tal‑Arċisqof, Daniel Darmanin, il‑President tal‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, qal li minkejja ċ‑ċokon tal‑pajjiż, matul is‑sena, iċ‑ċirkustanzi ta’ nuqqas ta’ paċi u trankwillità ma jonqsux. Dan jiġri sew minħabba piki personali jew piki fuq politika partiġġana, twemmin reliġjuż jew minħabba l‑affiljazzjoni ma’ xi każin tal‑banda jew tim tal‑futbol. Qal li “aktar minn sempliċi dokument, dan huwa mudell tas‑soċjetà li nistgħu nkunu u għandu jservi ta’ għajnuna fil‑proċess li jwassal sabiex il‑firdiet ta’ bejnietna jingħalqu u l‑ġrieħi jiddewwew, b’mod partikolari hekk kif il‑pajjiż jinsab fuq l‑għatba ta’ elezzjoni ġenerali”.

Daniel Darmanin qal li dan il‑proċess jinvolvi riflessjoni dwar dak li għaddejna minnu bħala pajjiż, fiex qegħdin u fejn sejrin bħala soċjetà. Huwa spjega li d‑dokument jibda b’riflessjoni dwar il‑ħajja ta’ erba’ vittmi li ħallsu l‑ogħla prezz fis‑soċjetà għas‑suċess li qed ingawdu minnu fis‑soċjetà. “L‑ismijiet u t‑tifkira ta’ Daphne Caruana Galizia, Lassana Cisse u Miriam Pace se jiggwidawna, jakkumpanjawna u jispirawna biex nirriflettu fuq dawk ir‑relazzjonijiet ta’ bejnietna li jeħtieġu li jiġġeddu u jiġu rikonċiljati. Se nkunu mmexxija wkoll mill‑karba tal‑Vittma Bla Wiċċ, li tirrappreżenta lil kull min qiegħed jagħmel li jista’ biex jgħix ħajja tajba f’ċirkostanzi li, f’xi waqtiet, jagħmluha aktar faċli li timxi mal‑kurrent jew li tiskot bil‑konsegwenza jinħolqu aktar vittmi tal‑inġustizzja,” qal Daniel Darmanin.

L‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi qal li dan id‑dokument hu kontribut importanti mill‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi għal rikonċiljazzjoni li tkun ibbażata fuq il‑verità, il‑ġustizzja u l‑imħabba. Id‑dokument tal‑Arċidjoċesi ‘Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed’ li qed imexxi lill‑Knisja f’Malta fil‑viżjoni u l‑għażliet pastorali, jenfasizza ħafna l‑bżonn ta’ ħidma għal rikonċiljazzjoni li tfejjaq id‑diversi ġrieħi tal‑poplu f’Malta. Id‑dokument ‘Yahad’ jagħti wkoll suġġerimenti siewja ħafna u hu wkoll ta’ inkoraġġiment kbir għal kull min qed jagħti diġà kontribut validu fis‑soċjetà u hu ispirat mill‑valuri tat‑tagħlim soċjali tal‑Knisja.

Matul ix‑xhur li ġejjin il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi se torganizza sensiela ta’ inizjattivi u attivitajiet li għandhom ikomplu jservu ta’ għajnuna għar‑rikonċiljazzjoni nazzjonali. L‑individwi, il‑familji, il‑komunitajiet u l‑politiċi huma mħeġġa jieħdu sehem f’din id‑diskussjoni billi jużaw il‑hashtag #YahadMT fuq il‑media soċjali. Id‑dokument kollu jinsab fuq il‑websajt yahad.mt.

Aktar ritratti >>