Ħadd ma jista’ jiftakar f’dak li ġara nhar il-25 ta’ Mejju li għadda u jibqa’ biered. George Floyd, raġel Afrikan-Amerikan inqatel waqt li kien fil-kustodja tal-pulizija fl-istat ta’ Minneapolis, l-Istati Uniti.
Il-kaz ta’ Floyd m’huwiex wieħed iżolat. Huwa jitniżżel fil-lista ta’ diversi persuni oħra li nqatlu sempliċiment għax il-ġilda tagħhom hi sewda.
Inkunu qed nitqarrqu jekk naħsbu li dan hu biss fenomenu li jolqot biss l-Amerika. Ma ninsewx dak li ġara f’artna stess fis-6 ta’ April 2019, meta Lassana Cisse Souleymane, raġel ta’ 42 sena mill-Kosta tal-Avorju nqatel kiesaħ u biered f’Ħal Far mingħajr ebda raġuni ħlief il-mibgħeda razzista.
L-ebda wieħed minn dawn id-delitti m’għandu jkun lok li nitkażaw b’ħaddieħor. Anzi, għandhom iservu ta’ xprun biex ngħarblu bir-reqqa l-kuxjenza tagħna. Ġrajjiet bħal dawn iseħħu għax fostna hemm kultura—jekk mhux ta’ approvazzjoni—għall-inqas waħda ta’ nuqqas ta’ disapprovazzjoni għal sentimenti razzisti. U jekk inhi kultura, bħall-lingwaġġ, hija xi ħaġa li lkoll għandna sehem fiha.
Insemmi biss tlett ħwejjeġ li jimpenjawna fuq livell personali iżda wkoll fuq wieħed komunitarju u soċjali.
L-ewwel: ir-rabja. Meta nsibu ruħna quddiem sitwazzjonijiet ta’ inġustizzji bħal dawn għandha titqanqal fina ċertu rabja. Kif kien qal San Tumas t’Akwinu (Summa Theologiae, IIaIIae, q.158), ir-rabja li ħafna drabi nqisuha bħala vizzju, fil-fatt tista’ tkun virtù jekk kemm-il darba din tkun indirizzata b’mod tajjeb, lejn l-oġġett it-tajjeb u fil-ħin it-tajjeb u fiċ-ċirkostanzi t-tajbin. Anzi, in-nuqqas tar-rabja f’xi ċirkustanzi tista’ tkun frott ta’ vizzji oħra, bħall-passività.
Il-protesti li rajna jseħħu fl-Istati Uniti imma anki f’diversi bliet madwar l-Ewropa b’reazzjoni għall-qtil ta’ Floyd hi eżempju ċar tar-rabja mqanqla mill-inġistizzji li li jġib ir-razziżmu. Madanakollu r-rabja, kbira kemm tkun kbira m’għandhiex tfittex li tissarraf f’ atti ta’vjolenza.
Martin Luther King Jr. fir-riflessjoni qasira tiegħu An Experiment in Love kien saħaq li “il-mibgħeda tnissel mibgħeda; il-vjolenza tnissel vjolenza; l-ebusija tnissel ebusija akbar. Għandna nilqgħu il-qawwiet tal-mibgħeda bil-qawwa tal-imħabba; għandna nilqgħu il-forza fiżika bl-ispirtu ħieles (soul free). L-għan tagħna qatt m’għandu jkun biex ngħelbu jew numiljaw il-bniedem l-abjad, imma biex nirbħu l-ħbiberija tiegħu u l-mogħdrija tiegħu.”
It-tieni pass hu li nammettu li aħna lkoll ippreġudikati. Qabel ma nkun onest miegħi innifsi u nistqarr li jien preġudikat kontra min hu differenti minni jiena nibqa’ bħal b’għamad ma’ għajnejja u ma nistax nagħmel deċiżjonijiet ħielsa.
Il-filosfa Franċiża Simone de Beauvoir kienet qalet li l-problema tal-bniedem iswed hi fil-fatt il-problema tal-bniedem l-abjad li jirrifjuta milli jagħraf li ħoloq soċjetà li teskludi lil kull min hu differenti minnu. Dan iwassal għall-hekk imsejjaħ “privileġġ abjad” fejn il-membri tal-klassi dominanti tieħu daqs li kieku bi dritt anki dak li mhux tagħha u toħloq soċjetà li tiffaċilita dan.
It-tielet: kultura tal-laqgħa mal-ieħor (culture of encounter), tema ferm għal qalb il-Papa Franġisku. Meta tinħoloq kultura fejn mhux sempliċiment naċċettaw lil dawk li huma differenti minna imma nilqgħuhom u nfittxu wkoll li niltaqgħu magħhom, id-differenzi ta’ bejnietna jsiru art għammiela ta’ tama ġdida. Dan ma jistax isir biss bir-rieda tajba ta’ xi wħud. Minflok, jinħtieġ sforz konkret, ippjanat u mfassal tajjeb biex din it-tip ta’ kultura ta’ laqgħa tkun iffaċilitata fl-istituzzjonijiet edukattivi, reliġjużi u soċjali tagħna.
Fl-aħħar nett, xtaqt nirrikonoxxi lil dawk fostna li b’impenn u bosta drabi anki b’sagrifiċċju għalihom infushom u għall-familji tagħhom diġà bdew jipprattikaw dawn it-tlett ħwejjeġ li ddeskrivejt aktar ’l fuq. Fosthom insemmi l-membri tal-forzi armati u l-uffiċċjali tal-ordni pubblika, il-ħaddiema fil-qasam mediku, diversi sidien, edukaturi, tfal tal-iskola, u persuni oħra li jgħixu f’armonija fil-bliet u l-irħula tagħna fejn hemm numru dejjem jikber ta’ persuni ta’ karnaġġjon differenti. Intom żerriegħa ta’ tama għad-dinja t’għada.
Fr Carlo Calleja, membru tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi