Live: Nipproteġu l-paċi fost it-tifrik tal-gwerra

Data: Tlieta 19 ta’ April, 2022

Ħin: 19:00

Fejn: Dar Ħanin Samaritan, Santa Venera

Hekk kif il-gwerra fl-Ukrajna daħlet fis-seba’ ġimgħa tagħha, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi se torganizza taħdita pubblika dwar kif it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja jitfa’ dawl fuq ir-responsabbiltà li għandha l-komunità internazzjonali – inkluż dik ta’ Malta – b’rabta mal-protezzjoni ta’ ħajjiet innoċenti mill-ħruxija tal-kunflitti u l-gwerer. Din se ssir nhar it-Tlieta, 19 ta’ April 2022, f’Dar Ħanin Samaritan f’Santa Venera, u tibda fis-7pm. Il-pubbliku hu mħeġġeġ jattendi.

Patri René Micallef SJ, li huwa Professur Assoċjat tal-Università Pontifiċja Gregorjana f’Ruma, se jindirizza t-taħdita. Mingħajr ma jintesew il-kunflitti l-oħra ‘moħbija’ li qed iħarbtu l-ħajja ta’ miljuni ta’ persuni, u li ftit minnhom qed jiġu rrappurtati fil-mezzi tax-xandir, Patri René Micallef se jitkellem mil-lat storiku u dwar x’inhu l-irwol tal-Insara fil-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna. 

Waqt l-attività se tieħu sehem ukoll Claudia Taylor East, il-Kap Eżekuttiv ta’ SOS Malta, li se titkellem dwar il-kollaborazzjoni ta’ SOS Malta ma’ NGOs fir-Rumanija li qed jgħinu lir-refuġjati li qed jaħarbu mill-Ukrajna.

Minħabba l-limitazzjonijiet marbuta ma’ l-imxija tal-Covid, dawk li jixtiequ jattendu għal din il-konferenza, huma mitluba li jirreġistraw hawnhekk. Ir-reġistrazzjoni tagħlaq meta jintlaħaq in-numru massimu ta’ parteċipanti.


Dwar Patri René Micallef SJ

Patri René Mario Micallef huwa saċerdot Ġiżwita Malti u professur assoċjat fit-Teoloġija Morali u l-Etika Soċjali fl-Università Pontifiċja Gregorjana f’Ruma. Hu jispeċjalizza f’suġġetti bħall-migrazzjoni, il-kunflitti, id-drittijiet tal-bniedem u r-raġunament morali. Patri René huwa ggradwat fil-Bijoloġija u l-Kimika mill-Università ta’ Malta, fil-Filosofija mill-Università ta’ Londra, u fit-Teoloġija mill-Fakultà tal-Ġiżwiti f’Pariġi u mill-Università Pontifiċja ta’ Comillas f’Madrid. Fl-istudji tad-Dottorat tiegħu fit-Teoloġija Sagra, hu ffoka fuq l-etika tal-policies tal-migrazzjoni.

Għal aktar informazzjoni: gustizzjaupaci@maltadiocese.org