Il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi qed tipproponi tmien rakkomandazzjonijiet lill‑awtoritajiet u l‑partijiet kollha involuti fl‑industrija tal‑kostruzzjoni f’Malta sabiex dan il‑qasam ikun iktar sigur u ġust għall‑ħaddiema kollha. Il‑Kummissjoni qed tappella sabiex jittieħdu immedjatament azzjoni fuqhom għall‑ġid tal‑ħaddiem u tas‑soċjetà. Ir‑rakkomandazzjonijiet huma riżultat ta’ riċerka xjentifika li saret mill‑istess Kummissjoni dwar is‑saħħa u s‑sigurtà fl‑industrija tal‑kostruzzjoni f’Malta.

Dan il‑proġett beda aktar minn sena ilu b’reazzjoni għaż‑żieda fl‑inċidenti serji li rriżultaw fil‑mewt ta’ 25 ħaddiem tal‑kostruzzjoni bejn l‑2019 u l‑2022. Għar‑riċerka ġew intervistati aktar minn 40 ħaddiema, superviżuri, min iħaddem, professjonisti, u rappreżentanti organizzattivi f’dan is‑settur.

Imsemmija The ‘Ejja Ejja’ Culture, konklużjoni ewlenija minn din ir‑riċerka hija li hu inġust u qarrieqi li l‑ħaddiema, speċjalment dawk fil‑qiegħ tal‑piramida soċjoekonomika, jitqiesu bħala dawk responsabbli min‑nuqqas ta’ sigurtà f’din l‑industrija u miż‑żieda fir‑riskji ta’ inċidenti. Dawn in‑nies mhux qed igawdu mill‑protezzjoni tal‑organizzazzjonijiet u l‑istituzzjonijiet maħsuba biex jipproteġu lill‑ħaddiema, u sfortunatament huma stess qed iħallsu l‑ogħla prezz.

Minkejja li r‑responsabbiltà fl‑inċidenti jvarjaw minn każ għal każ, hu ċar li s‑sitwazzjoni attwali hi riżultat ta’ kultura li l‑aħjar mod kif tiddeskriviha hu ‘ejja ejja’ (ħa mmexxu), li tinħass sew fix‑xogħol ta’ dan is‑settur. 

Din l‑analiżi, li tħabbret illum waqt konferenza tal‑aħbarijiet fil‑Kurja tal‑Arċisqof, saret minn perspettiva ta’ żvilupp uman integrali. Tenfasizza n‑nuqqas ta’ qbil inaċċettabbli bejn it‑teorija u l‑prattika, b’infurzar tal‑liġi u pieni insuffiċjenti infurzati kultant, li jonqsu milli jservu ta’ deterrenti effettvi. Il‑klima tal‑impunità hi dominanti minkejja ż‑żieda fir‑regoli, ir‑regolamenti, l‑awtoritajiet u d‑detenturi tad‑dmirijiet.

Daniel Darmanin, il‑President tal‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, stqarr, “Il‑Kummissjoni ħasset il‑bżonn ta’ studju fil‑fond dwar l‑industrija tal‑kostruzzjoni lokali għax minkejja li ġew aġġornati diversi policies u nbidlu r‑regolamenti matul is‑snin li għaddew, speċjalment wara l‑mewt ta’ Miriam Pace, l‑affarijiet f’dan is‑settur ma tjibux. Għall‑kuntrarju, l‑istatistika turi żieda fl‑inċidenti. Barra minn hekk, deher li f’dan kollu, il‑vuċi tal‑ħaddiema kienet l‑inqas li nstemgħet.”

Fid‑dokumentarju The Letter, il‑Papa Franġisku jfakkar fil‑metafora storika tat‑Torri ta’ Babel, fejn il‑ħaddiema kienu jiġu kkastigati bla ħniena għat-telf ta’ briks moħmija (baked bricks), filwaqt li l‑mewt ta’ ħaddiem kienet meqjusa bħala xi ħaġa normali. Il‑Kummissjoni tara xebh mal-preżent fejn aktar torrijiet ta’ arroganza umana qed jinbnew bil-ġebel tal‑poter u l‑ekonomija, b’ħafna nies jaħdmu bla heda daqslikieku skjavi, mingħajr ħadd ma jagħti kas il‑benesseri tagħhom.

Mark Cachia, l-awtur tar-rapport tar-riċerka, qal, “L‑istudju juri li huwa impossibbli u irresponsabbli li jiġu iżolati kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà mir‑realtajiet soċjoekonomiċi, politiċi u legali usa’, bħalma hu l‑pass mgħaġġel li bih l‑industrija ilha topera matul l‑aħħar snin, kif ukoll in‑nuqqas ta’ infurzar xieraq, u l‑isfruttament mifrux tad‑drittijiet tal‑bniedem li jħabbtu wiċċhom magħhom il‑ħaddiema migranti. Anke qabel il‑waqgħa ta’ binja f’Kordin f’Diċembru 2022, li ħasdet il‑ħajja taż‑żagħżugħ Jean Paul Sofia, u li qajmet rabja kbira fost il‑poplu, il‑Kummissjoni emmnet bis‑sħiħ li dawn it‑traġedji ma jistgħux jibqgħu jiġu injorati.”

L‑Isqof Joseph Galea‑Curmi qal, “Dan l‑istudju, li sar mill‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, li hi entità tal‑Knisja, jindirizza d‑dnub soċjali u jenfasizza l‑impenn tal‑Knisja lejn il‑valuri tal‑ġustizzja, il‑kompassjoni, u r‑rispett għall‑ħajja u d‑dinjità ta’ kull bniedem, valuri li huma kollha mħaddna fl‑Evanġelju. It‑tama hi li dan l‑istudju jkun kontribut siewi mill‑Knisja f’Malta biex is‑soċjetà tkun ispirata minn dawn il‑valuri”.

Ir‑rakkomandazzjonijiet tal‑Kummissjoni huma li:

  1. Jintużaw l‑għodod tat‑taxxa u l‑policies neċessarja sabiex jitnaqqsu r‑riskji marbuta ma’ dati ta’ skadenza (deadlines) mhux realistiċi kkawżati mill‑ħtieġa li nibnu aktar iżda fl‑iqsar żmien possibbli.
  2. Il‑unions tal‑ħaddiema għandhom ikunu minn ta’ quddiem sabiex jippromwovu approċċ ibbażat fuq id‑drittijiet waqt li jaħdmu b’mod attiv sabiex iwessgħu s‑sħubija tagħhom ħalli tinkludi l‑ħaddiema barranin.
  3. Jiġi pprovdut taħriġ dwar sensittività kulturali u l‑preġudizzju lill‑partijiet interessati kollha.
  4. Jissaħħew il‑korsijiet dwar is‑saħħa u s‑sigurtà, u fejn hu meħtieġ, jingħata wkoll taħriġ fil‑lingwa.
  5. Issir iktar riċerka sabiex jiġu analizzati l‑effetti tal‑kultura tal‑maċiżmu (machismo) fuq is‑saħħa u l‑benessri tal‑ħaddiema fl‑industrija tal‑kostruzzjoni.
  6. Jiġu evalwati mill‑ġdid ir‑regolamenti tal‑permessi tax‑xogħol u l‑liġijiet tal‑immigrazzjoni li jnaqqsu s‑setgħa lill‑ħaddiema migranti.
  7. Jiżdiedu r‑riżorsi tal‑OHSA u jinħoloq numru tat‑telefown wieħed li fuqu jistgħu jiġu rrappurtati l‑ilmenti kollha marbuta mal‑kostruzzjoni.
  8. Il‑kopertura tal‑assigurazzjoni għandha tkun prerekwiżit għal dawk il‑kuntratturi li jridu jkunu liċenzjati.

Il‑Kummissjoni tenfasizza li fin‑nuqqas ta’ miżuri effettivi kontra min ipoġġi ħajjet il‑ħaddiema tiegħu fil‑periklu, dawk l‑iżviluppaturi u li jħaddmu, li jagħżlu li jimxu mar‑regolamenti tas‑sigurtà—anke jekk dan ifisser xogħol aktar bil‑mod u spejjeż addizzjonali biex jiġi żgurat ambjent sigur u b’saħħtu fuq il‑post tax‑xogħol—isibu ruħhom fi żvantaġġ kompetittiv f’dak li għandu x’jaqsam ma’ prezzijiet u profitti. Sfortunatament, skont il‑Kummissjoni, dan iseħħ kull meta l‑awtoritajiet kompetenti jonqsu milli jiżguraw kundizzjonijiet ġusti u ugwali li jiggarantixxu d‑dritt għal ambjent tax‑xogħol sigur u san għall‑ħaddiema kollha, irrispettivament mill‑identità tagħhom jew min iħaddimhom.

Il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tikkonkludi li jekk il‑pajjiż ġenwinament jixtieq ikollu settur tal‑kostruzzjoni li jirrispetta d‑dritt tal‑ħaddiema kollha b’ambjent tax‑xogħol sigur u b’saħħtu, din ir‑realtà kumplessa ta’ fatturi magħġuna flimkien, li qed twassal għall‑kawżi ewlenin ta’ traġedji f’siti ta’ kostruzzjoni, għandha tiġi indirizzata.

Ir‑riċerka The ‘Ejja Ejja’ Culture hi aċċessibbli fuq jp.church.mt/ejja-ejja.