Ilbieraħ, il-Knisja Kattolika ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Foqra. It-tema magħżula għal din is-sena kienet “Midd idek għall-foqra” (Sir 7: 32) – stedina biex ninfetħu għan-nies fil-bżonn, speċjalment f’dawn iż-żminijiet diffiċli tal-pandemija.
Min huma l-foqra li għalihom għandna bżonn niftħu idejna?
Skont stħarriġ lokali, 20% tal-popolazzjoni Maltija qed tesperjenza diffikultajiet finanzjarji. Dan mhux numru żgħir u għalhekk mhux diffiċli li tiltaqa’ ma’ xi ħadd li għaddej minn żmien diffiċli u li jkun jeħtieġ l-għajnuna tagħna. Madankollu, l-għajnuna mhux neċessarjament tiġi fil-forma ta’ għajnuna finanzjarja, ngħidu aħna, billi tagħti donazzjoni għal xi maratona għall-foqra fuq it-tv. Filwaqt li dan huwa ġest nobbli, li tmidd idek tfisser iktar minn hekk. Hija attitudni ta’ servizz li wieħed irid jgħix.
Fl-omelija tal-bieraħ, il-Papa Franġisku rrepeta diversi drabi, “Dawk li ma jgħixux biex jaqdu, ftit għandhom skop f’din il-ħajja.” Huwa kompla jispjega x’ried ifisser meta qal li wieħed irid jaqdi: “Fil-Vanġelu, qaddejja tajbin huma dawk li jieħdu r-riskji. Mhumiex beżgħana u kawtii żżejjed, ma jibżgħux għal dak li għandhom, iżda jużawh tajjeb. Għax jekk it-tjubija ma tiġix investita, tintilef, u l-kobor ta’ ħajjitna ma titkejjilx b’kemm infaddlu imma bil-frott li nagħmlu.”
Kemm nies iqattgħu ħajjithom sempliċement jakkumulaw il-ġid, imħassba biss dwar ix-xewqa li jgħixu ħajja tajba u mhux it-tajjeb li jistgħu jagħmlu. Iżda kemm hi bla sens ħajja ċċentrata fuq il-bżonnijiet tagħna meta mbagħad nkunu għomja għall-bżonnijiet ta’ ħaddieħor! Ir-raġuni li għandna r-rigali f’idejna hija sabiex inkunu nistgħu nkunu ta’ rigal għal ħaddieħor. U hawn, ħuti, għandna nistaqsu lilna nfusna l-mistoqsija: jien nagħti kas biss il-bżonnijiet tiegħi stess, jew kapaċi nħares lejn il-bżonnijiet ta’ ħaddieħor, lejn min hu fil-bżonn? Idejja huma miftuħa, jew magħluqa?”
Jalla nagħtu widen għall-messaġġ tal-Papa u noffru idejna lill-foqra billi ngħixu ħajja ta’ servizz ma’ dawk li magħhom niltaqgħu kuljum.