Tweet li l-awtriċi J.K. Rowling kitbet xi xhur ilu fuq il-persuni transesswali, qajmet kontroversja sħiħa fuq l-istess awtriċi, magħrufa għall-involviment tagħha fil-kamp tal-ġustizzja soċjali. Aktar riċenti, id-diskors fuq il-libertà tal-espressjoni li għamel il-President Franċiż Emmanuel Macron, b’reazzjoni għall-assassinju ta’ Samuel Patty, qajmet għagħa kbira fid-dinja Musulmana filwaqt li lokalment, artiklu li ħareġ qassis dwar l-omosesswalità ġie kkundannat minn bosta. Għalkemm ma naqbilx għal kollox ma’ dak li qalu dawn l-individwi, jinkwetawni ħafna r-reazzjonijiet estremi u polarizzati li jsiru f’konfront ta’ stqarrijiet kontroversjali bħal dawn.

Polarizzazzjoni qawwija li għaddejja bħalissa hija dik li nistgħu nosservaw fl-elezzjonijiet Presidenzjali tal-Amerka. Lokalment, avvenimenti riċenti wrew li għalkemm il-Maltin huma miftuħa biex jaċċettaw u jħaddnu twemmin li jkun differenti minn dak konvenzjonali jew tradizzjonali, din l-aċċettazzjoni hija spiss ikkundizzjonata minn bosta fatturi. Nistgħu nosservaw ukoll li l-polarizzazzjoni żdiedet b’mod drastiku, mhux biss fl-isfera politika imma wkoll f’oqsma oħra bħall-immigrazzjoni, il-kaċċa u l-ambjent. Il-bniedem qed isibha aktar diffiċli biex jaċċetta opinjonijiet differenti, tendenza li qed twassal għall-ġudizzju aħrax fir-rigward ta’ nies li jħaddnu opinjonijiet opposti.

Minkejja li llum il-ġurnata bosta jħambqu fuq l-importanza tal-libertà tal-espressjoni, ir-realtà hi li mhux kull individwu huwa kapaċi jesprimi l-opinjonijiet tiegħu mingħajr il-possibilità li jiltaqa’ ma’ xi forma ta’ oppożizzjoni. Donnu li l-valuri tat-tolleranza u l-libertà tal-espressjoni huma inkuraġġiti biss meta jikkonformaw mat-twemmin tal-maġġoranza. Dan, madankollu, jmur kontra s-sens veru tal-kelma tolleranza – virtù morali li jeżamina r-relazzjoni benefiċċjali li individwu jista’ jkollu meta jiltaqa’ ma’ nies b’opinjonijiet opposti. Huwa dan il-virtù li jiftaħ it-triq għad-djalogu.

Biex ngħixu f’armonija, is-soċjetà tagħna jeħtiġilha li tippromwovi djalogu miftuħ. Jeħtieġ li niffukaw u niddedikaw l-enerġija tagħna biex nedukaw irwieħna, u liż-żgħar tagħna, billi nnisslu attitudni ta’ tolleranza lejn opinjonijiet opposti. Bħala mexxej ta’ kummissjoni fi ħdan il-Knisja Kattolika, din jaf tkun ta’ sorpriża għal xi wħud, speċjalment meta tikkunsidra l-idea ta’ knisja dogmatika li ftit tagħti spazju għall-bidla. Filwaqt li hu minnu li hemm xi prinċipji Nsara li ma jistgħux jiġu mittiefsa bħall-qdusija tal-ħajja, il-Knisja Kattolika targumenta li, fit-twemmin li kulħadd huwa maħluq l-istess, kull individwu għandu jiġi trattat b’dinjità u rispett, irrispettivament mill-identità u t-twemmin tiegħu.

Fuq id-djalogu, il-Knisja tasserixxi li għandna nżommu moħħna miftuħ u għandna nkunu lesti biex nittrasformaw l-opinjoni tagħna jekk niltaqgħu ma’ oħra li tkun tersaq aktar lejn il-verità. Filwaqt li għandna nżommu l-identità u t-twemmin tagħna intatti, għandna, iżda, inkunu preparati li nitgħallmu u nirċievu minn oħrajn il-valuri sbieħ tat-tradizzjonijiet tagħhom. Djalogu matur jista’ jwassal ukoll għall-eradikazzjoni ta’ preġudizzji u għall-fehim aħjar tal-verità.

Sabiex nikbru flimkien bħala komunità, id-djalogu huwa essenzjali. Aktar milli niġġudikaw lil dawk li għandhom xi opinjoni opposta, ikun aħjar għas-soċjetà li kieku nisimgħu lil xulxin u nużaw din l-opportunità sabiex inkabbru l-għerf tagħna biex nersqu lejn il-verità. Dan huwa l-uniku mod li s-soċjetà tista tkompli tikber u tiffjorixxi fit-tiftix tagħha għall-ġustizzja u l-paċi.