“Ħadd ma jrid jitlaq mid-dar, imma l-ħajja ġġiegħlek.” Dawn kienu kliem wieħed mir-refuġjati li l-esperjenza tiegħu tinsab fil-ktieb ‘Dying to Live’ ta’ Danielle Vella, ġurnalista u direttur tal-International Reconciliation Program for the Jesuit Refugee Service (JRS). Il-ktieb tnieda waqt avveniment ospitat mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-Kurja l-Furjana, li matulu ġew intervistati l-awtur stess kif ukoll Daniel Jude Okoeguale, persuna li qed ifittex l-ażil u li huwa residenti f’Malta.
Il-ktieb jiġbor l-esperjenzi ta’ rġiel, nisa u tfal li ma kellhom ebda għażla oħra ħlief li jitilqu minn pajjiżhom biex jgħixu. Il-ktieb jinkludi stejjer ta’ kunflitt, oppressjoni u tortura matul vjaġġi ta’ qtigħ il-qalb, kif ukoll l-eżawriment u xi drabi disperazzjoni ta’ meta tgħix fil-limbu għax ma tafx x’inhu ġej għalik.
Waqt li kien qed jindirizza t-tnedija tal-ktieb, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-istejjer tar-refuġjati fil-ktieb huma komwoventi. Enfasizza r-responsabbiltà li jiġu salvati n-nies mill-baħar skont il-liġijiet internazzjonali, li nfittxu solidarjetà konkreta mill-Ewropa, u li nerġgħu nikkunsidraw il-ftehim li għandna mal-Libja dwar il-migrazzjoni.
L-Arċisqof Scicluna rringrazzja lil Danielle Vella għall-opportunità li offriet permezz ta’ dan il-ktieb biex nirriflettu fuq mistoqsijiet importanti, li huwa qal m’għadhomx tweġibiet faċli: “Qed nagħmlu l-affarijiet sew? Qegħdin nittrattaw lir-refuġjati sew? Għandna l-policy t-tajba?” Appella lill-awtoritajiet biex jirrevedu ċ-ċentri ta’ detenzjoni u l-mod ta’ kif nilqgħu lil dawk li jitolbu l-ażil, biex nassiguraw li ħutna, li għandhom id-dritt jgħixu f’kundizzjonijiet umani, jingħataw it-tama.
L-Arċisqof qal li kien impressjonat li meta qara l-esperjenzi tar-refuġjati li sofrew minħabba “l-inumanità tal-bniedem lejn il-bniedem”. F’dawn l-esperjenzi, qal, wieħed jista’ jara l-ġrieħi miftuħa ta’ Ġesù Kristu.
L-istejjer fil-ktieb ‘Dying to Live – Stories from refugees on the road to freedom’ huma frott il-vjaġġi li għamlet l-awtur f’diversi pajjiżi fl-Afrika tal-Lvant, il-Lvant Nofsani, l-Ewropa u l-Istati Uniti.
“Kull storja ta’ refuġjat hi unika – x’wassal biex tittieħed id-deċiżjoni li jitilqu kollox, x’ġara wara – qatt mhuma l-istess,” spjegat Danielle Vella. Hi qalet li dan il-ktieb ipprovda wkoll lir-refuġjati pjattaforma fejn jistgħu jaqsmu l-istejjer tagħhom bla ma jiġu ttimbrati jew preġudikati.
Daniel Jude Okoeguale, li hu artist aspirant min-Niġerja, waqt it-tnedija qasam l-esperjenza tiegħu u tkellem dwar l-ostakli u t-tbatija li ġarrab biex wasal Malta. Semma kif meta kien f’Sabha, fil-Libja, il-migranti li ma kinux iħallsu lit-traffikanti kienu jiġu msakkra u ttorturati. “Kont fortunat biżżejjed biex ma nkunx wieħed minnhom, imma l-gwerra ċivili fil-Libja dak iż-żmien ġagħlitni nħoss li aħjar ma tlaqtx mid-dar. L-isparar kien sar xi ħaġa ta’ kuljum,” qal Okoeguale. Fi tmiem it-tnedija, il-mistednin ingħataw bookmark b’pittura tiegħu li għamilha waqt li kien f’detenzjoni.
Fil-konklużjoni tiegħu, il-President tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi Daniel Darmanin qal li “quddiem stejjer bħal dawn ma nistgħux indawru wiċċna n-naħa l-oħra. Għandna d-dmir nirrakkontaw dawn l-istejjer, għaliex billi niffaċċjaw il-verità biss nistgħu nġibu l-ġustizzja u l-paċi fid-dinja”.
It-tnedija tal-ktieb kienet organizzata mill-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, il-Jesuit Refugee Service (JRS) u l-Kummissjoni Migranti. It-tnedija ġibdet l-attenzjoni mhux biss fuq id-dwejjaq fiżiċi u mentali li jġarrbu r-refuġjati imma anki r-reżiljenza inkredibbli li juru fit-tfittxija tagħhom għal ħajja dinjituża.
‘Dying to Live’ hu ppubblikat minn Rowman and Littlefield u jinsab online minn distributuri maġġuri bħal Amazon u Book Depository. Kopja tal-ktieb tista’ tinkiseb ukoll mill-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana.