It-temperaturi u l-livell tal-baħar li qegħdin dejjem jogħlew, il-maltempati aktar qawwija u frekwenti, il-mewġiet tas-sħana, flimkien ma’ nixfa estrema u deżertifikazzjoni. Dan kollu huwa inevitabbli fis-snin li ġej skont rapport ġdid dwar it-Tibdil fil-Klima maħruġ fid-9 ta’ Awwissu mill-United Nations Intergovernmental Panel (IPCC).

Dan ir-rapport għandu għalfejn iħassibna serjament u għandu jservi bħala sejħa biex inqumu mir-raqda morali u spiritwali. L-awturi tar-rapport ma joqogħdux lura fi kliemhom, meta, jiddeskrivu l-konsegwenzi katastrofiċi li lkoll kemm aħna se niffaċċjaw jekk ma titteħidx azzjoni immedjata u b’mod deċiżiv biex għall-inqas nevitaw l-iktar tbassir serju deskritt fir-rapport. B’xi mod, dan ir-rapport tal-IPCC ma jagħmilx ħlief jikkonferma dak li diġà nafu: l-impatt kumulattiv tal-attività tal-bniedem qed, bla dubju ta’ xejn, jikkawża bidliet mgħaġġla u potenzjalment diżastrużi fil-klima li se jaffettwaw lil kulħadd u kullimkien. Bħal dejjem, huma l-fqar li se jsofru l-aktar mill-emissjonijiet, li, huma  primarjament prodotti minn dawk li jgħixu fl-aktar pajjiżi sinjuri fid-dinja. Madanakollu, fl-aħħar ġimgħat rajna avvenimenti kkawżati mit-tibdil fil-klima li qed jaffettwaw anke lill-aktar komunitajiet sinjuri fid-dinja.

Fil-fatt, dawn is-sejbiet koroh u inkwetanti ġew ippubblikati propju meta għandna f’għajnejna l-istampi drammatiċi ta’ smewwiet ħomor-oranġjo, hekk kif nirien selvaġġi kbar qegħdin jeqirdu l-art fil-Greċja, l-Italja u Kalifornja. F’Lulju, rajna wkoll xeni tal-biża’ mill-Ewropa Ċentrali meta għargħar devastanti laqat il-Ġermanja, l-Olanda u l-Belġju. Sal-lum il-ġurnata, eluf  għadhom mingħajr ilma jew elettriku f’dan ir-reġjun. Madwar id-dinja kollha, mill-Baħar Mediterran sal-Kanada, ir-rekords tas-sħana prattikament qed jinkisru ta’ kuljum.

Minħabba li dawn l-avvenimenti qed jolqtu lill-ħafna aktar nies mill-qrib, ħafna huma dawk li, f’daqqa waħda, qed jibdew jinkwetaw fuq xi ħaġa li sal-bieraħ qisuha problema remota u astratta li ma kinitx taffettwa l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum. It-tibdil fil-klima huwa reali, qed iseħħ illum u huwa tassew tal-biża’.

Ix-xjenza ma tistax tkun iktar ċara. Il-vera mistoqsija hija: Jimpurtana biżżejjed biex inġibu l-bidla meħtieġa b’mod urġenti fl-istili ta’ ħajja tagħna? Fi kliem ieħor, se nazzardaw inkunu nies li jimpurtana?

Fil-ktieb tiegħu Moral Wisdom: Lessons and Texts from the Christian Tradition, it-teologu tal-moralità Fr. James Keenan SJ, jgħid, li d-dnub iseħħ meta “ma jippurtanix biżżejjed biex inħobb.” Dan il-falliment, huwa sinonimu ma’ dak tal-indifferenza li tipparalizzana u ma twassalx għal azzjoni sinjifikattiva fuq livell individwali jew kollettiv / politiku. Xi drabi bħal donnu  m’għandniex l-enerġija meħtieġa biex verament jimpurtana. Inħarsu lejn in-newsfeeds tagħna, inħarsu b’għajnejna lejn dak li hemm ħażin fid-dinja tagħna, imma ma jirnexxilniex insibu r-rieda meħtieġa biex nagħmlu xi ħaġa dwar dan. Forsi aħna komdi wisq biex jimpurtana. Fi kliem Fr Keenan: “Id-dnub tagħna ġeneralment ma jkunx f’dak li għamilna, jew f’dak li ma stajniex nevitaw, u lanqas f’dak li ppruvajna biex ma nagħmlux. Id-dnub tagħna ġeneralment jinsab fil-kumdità tiegħi u tiegħek, meta aħna nħossu li m’għandniex għalfejn jimpurtana.” Fl-Evanġelju, id-dnub huwa attribwit ta’ spiss lil nies bħar-raġel għani li qatt ma jimpurtah mill-bżonn ta’ ħuh Lazzru, mixħut barra daru jew lil dawk li fl-aħħar ġudizzju ta’ Mattew ġew jaqgħu u jqumu minn dak li kien bil-ġuħ, li ma libsux lil min kien għeri u li ma laqgħux il-barranin jew żaru lill-ħabsin.

Jekk naraw kif dan kollu jissarraf quddiem l-emerġenza tal-bidla fil-klima, fil-kliem tal-Papa Franġisku f’Laudato Si, l-istedina hi li nisimgħu l-karba tad-dinja u t-tnehid tal-foqra. Madanakollu, meta naraw kif l-azzjonijiet tagħna ta’ kuljum qed ikomplu jżidu l-problema minflok inaqqsuha, bħal donnu qed nagħżlu li niġu naqgħu u nqumu. Bħas-Saċerdot u l-Levita fil-Parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, aħna ninsabu wisq preokkupati bl-affarijiet tagħna u komdi wisq biex inħaddnu it-tħarbit li ġġib magħha l-imħabba. Fil-fatt, aħna nafu tajjeb li meta ma niġux naqgħu u nqumu, il-pjanijiet tagħna, sbieħ u ordnati, dejjem ħa jinqalbu. Fi kliem ieħor, meta jimpurtak, ħa taġixxi. Meta jimpurtak dwar xi ħaġa jew xi ħadd, is-smigħ tal-karba u l-għarfien tal-problema dejjem huma segwiti minn azzjoni konkreta. Fuq l-eżempju tas-Samaritan it-Tajjeb, ta’ spiss dik l-azzjoni tinvolvi bidla fil-pjanijiet jew bidla fid-direzzjoni. Fi kliem ieħor, tinvolvi konverżjoni. Jekk mhux hekk, inkunu qed nillimitaw ruħna għal kliem fieragħ u ħsibijiet u xewqat sbieħ. U, quddiem il-konsegwenzi serji kkawżati mit-tibdil fil-klima, dak li neħtieġu bħalissa huwa ħafna iktar konkret minn ħsibijiet u kliem sabiħ.

Fi kliem il-Papa Franġisku: “Minn idejn Alla rċevejna ġnien, ma nistgħux inħallu deżert lil uliedna.” Għalhekk, tajjeb li nsaqsu lilna nfusna: Xi jfisser għalija li nisma’ verament il-karba tad-dinja u tal-foqra? Liema bidliet fl-istil ta’ ħajja tiegħi huma meħtieġa biex innaqqas l-impatt tiegħi fuq il-ħolqien ta’ Alla? Liema azzjoni politika se nħaddan biex nagħti l-kontribut tiegħi fil-bini ta’ soċjetà aktar sostenibbli? Ejjew ma nwebbsux qalbna u nagħlqu widnejna bħal dik il-ġenerazzjoni li minkejja li daqqewlha l-flawt ma żifnitx, minkejja li għannewlha għanja ta’ niket ma bkietx (Mt 11, 17). Il-ħin biex naġixxu huwa hawn u issa. Jeħtieġ biss li ma niġix naqa’ u nqum.