Photo by Timon Studler on Unsplash

“Jien jisimni Dina u kburija li esperjenzajt dawn it-tbatijiet, kburija li jien Palestinjana”

Id-dinja kollha qiegħda fuq ix-xwiek minħabba s-sitwazzjoni mwiegħra u l-ġlied li dejjem qiegħed jeskala bejn l-Iżrael u l-Hamas, il-grupp militanti li jmexxi l-istrixxa ta’ Gaża. Din il-gwerra, li ilha għaddejja għal tmint ijiem sħaħ, diġà qatlet 212 persuna, fosthom 58 tifel u tifla innoċenti.

It-tensjoni bejn l-Iżrael u Gaża ilha teskala għal xhur sħaħ. Iż-żewġ miljun Palestinjan residenti fl-Istrixxa ta’ Gaża ilhom isofru inġustizzji ta’ kull xorta sa mill-ħarifa tal-2017, inġustizzji li l-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu ddefenda meta ddeskriva l-kampanja riċenti bħala “gwerra ġusta u morali” li “għadha ma spiċċatx u se tkompli sakemm ikun meħtieġ”.

Ħerqana li jaqsmu l-problemi u t-tbatijiet li l-Palestinjani ilhom jesperjenzaw ġurnata wara oħra, erba’ Palestinjani rrakkontaw l-istorja personali tagħhom ta’ tbatija u ta’ tama f’webinar li sar aktar kmieni din is-sena u li ġie segwit mill-Kummissjoni.

Huma u jirrakkontaw l-istejjer tagħhom, ħareġ ċar li l-Palestinjani ilhom isofru inġustizzji inumani sa minn mindu ġie impost fuqhom imblokk fiżiku (physical blockade) u li kawża tiegħu u mingħajr ma għandhom ebda tort, qed ibatu minħabba differenzi reliġjużi u politiċi. Sfortunatament għall-Palestinjani, dan “l-imblokk brutali u eċċessiv”, kif iddeskrivieh Majed, qed iħalli feriti psikoloġiċi fuq in-nies, li 70% minnhom huma żgħażagħ jew tfal.

B’ċertu uġigħ u tbatija li kienu evidenti f’għajnejh, Majed irrakkonta wħud mid-diffikultajiet li kellu jesperjenza waqt li kien jgħix f’Gaża – in-nuqqas ta’ elettriku, l-uża ta’ ilma tad-drenaġġ biex jinħasel u jżomm nadif, l-infrastruttura tas-saħħa ħażina u l-moniteraġġ tal-ikel u l-kontroll fuq l-ammont ta’ kaloriji li setgħu jiġu importati f’Gaża. Mhux ta’ b’xejn li Majed temm id-diskors tiegħu billi esprima li l-istorja tiegħu hija “ta’ min jiktibha, ta’ min jirrakkontaha u ta’ min jgħajjatha, għax aħna mhux biss numru u ħadd m’għandu jiġi mċaħħad milli jgħix għax jitwieled Palestinjan.”

Asmaa, Palestinjana oħra, irrakkontat imbagħad kif individwi bħalha ppruvaw jegħlbu l-isfidi u ħolqu netwerk ta’ solidarjetà permezz ta’ diversi proġetti u opportunitajiet biex ixerrdu t-tama fost iċ-ċittadini. Ix-xewqa tagħha li xi darba żżur Franza hija biss ħolma għal Asmaa, bħalma hi x-xewqa tagħha li tikseb borża ta’ studju – prospett impossibbli għax twieldet Palestinjana. Asmaa tipprova timmaġina ħajja li fiha ma jkollhiex bżonn tgħodd aktar is-snin f’imblokk u/jew fi gwerra u minflok tista’ tingħaqad ma’ sħabha barra minn Gaża biex tiżviluppa l-potenzjal tagħha u tinforza r-rabta fraterna tagħha ma’ ċittadini oħra minn soċjetajiet differenti.

Bħal Ahmed, li jemmen fid-drittijiet fundamentali tal-bniedem, aħna wkoll għandna bżonn nedukaw lilna nfusna dwar dawn l-inġustizzji li qed iseħħu madwarna. Inġustizzji bħal dawn jistgħu jingħelbu biss jekk noħolqu ambjent ta’ għaqda. Mhuwiex aċċettabbli li fl-2021 tisma’ lil żgħażagħ bħal Ahmed jgħidu li m’hemm “l-ebda raġġ ta’ tama.”

Il-fraternità u s-solidarjetà għandhom jiġu esperjenzati u mħaddna mal-bqija tal-umanità. Ir-rispett u l-fehim jistgħu jegħlbu l-ostakli kulturali, politiċi u reliġjużi, pass fid-direzzjoni t-tajba sabiex nipprovdu lil kulħadd bl-istess drittijiet u privileġġi.

Dan il-webinar sar fil-25/02/21 u kien ospitat minn CIDSE, li tirreferi għal “Coopération Internationale pour le Développement et la Solidarité” – organizzazzjoni li għandha taħt idejha aġenziji ta’ żvilupp Kattoliċi fl-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq. L-erba’ kelliema li jidhru  f’dan l-artikolu huma Asmaa el Khaldi, Majed Abusalama, Dina Khadra u Ahmed Al Aydi. 

Il-webinar tista’ tarah hawn: