Is-sistema ekonomika Maltija hija mibnija fuq l-isfruttament tal-ħaddiema.
It-tkabbir ekonomiku ta’ dawn l-aħħar snin kellu jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema. Minflok, qegħdin f’sitwazzjoni fejn ħafna jgħixu fuq pagi baxxi, jaħdmu bil-prekarjat, u f’kundizzjonijiet ħżiena. Għalhekk nemmnu li għandna nimxu lejn mudell ekonomiku mibni fuq il-ġustizzja soċjali.
Nhar l-1 ta’ Mejju, Jum il-Ħaddiem, tnehdiet il-kampanja “Ġustizzja mal-Ħaddiema”, bil-preżentazzjoni ta’ dokument li tfassal sabiex inkunu nistgħu nimxu lejn sistema ekonomika mibnija fuq il-ġustizzja soċjali. F’dan id-dokument jiġu elenkati numru ta’ problemi li l-ekonomija Maltija qed taffaċċja u l-inġustizzji li ġġib magħha għal faxxa wiesgħa ta’ ħaddiema.
Nemmnu li hemm soluzzjonijiet u tibdiliet li għandhom isiru minnufih sabiex neqirdu din l-ekonomija mibnija fuq il-prekarjat, il-qerda tal-ambjent, il-pagi baxxi u l-sfruttament tal-ħaddiema biex igawdu l-ftit.