Iż-żieda sostanzjali fil-kiri tal-propjetà kif ukoll l-emozzjonijiet ta’ ferħ imma fl-istess ħin ta’ ansjetà li jħossu mindu ġew jgħixu f’Malta kienu fost l-affarijiet li l-ħaddiema migranti qasmu mal-Arċisqof Charles Scicluna fit-30 ta’ April 2024, lejlet il-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem.
Diversi migranti mis-Saħara t’Isfel u mill-Afrika tal-Punent kif ukoll mill-Asja t’Isfel u tax-Xlokk li nġabru fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana, irringrazzjaw lill-Arċisqof talli laqagħhom bħala missier, filwaqt li rrikonoxxew ir-rwol tal-Knisja bħala difensur tad-dinjità tal-ħaddiema.
Waqt il-laqgħa — organizzata mill-Kummissjoni Migranti b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi — il-migranti qasmu l-ferħ u t-tamiet, id-diqa u l-ansjetajiet tagħhom dwar ħajjithom u xogħolhom f’Malta kif ukoll semmew x’wassalhom biex jemigraw lejn Malta.
Huma sostnew li Malta saret darhom u jħossu sens ta’ appartenenza lejha. Huma grati għall-ħbiberiji sinifikanti li għandhom mal-Maltin. Għalihom il-gżira hi sigura u toffrilhom protezzjoni u bosta opportunitajiet. Huma qasmu wkoll it-tħassib tagħhom dwar l-abbuż u l-isfruttament li jiltaqgħu miegħu fuq il-post tax-xogħol, il-keded li jieħdu biex jingħataw kuntratti tax-xogħol, kif ukoll esperjenzi ta’ ksenofobija u dewmien burokratiku.
Dawk preżenti rrappurtaw esperjenzi ta’ tbatija kbira meta jiffaċċjaw proċeduri ta’ ażil, jew meta jippruvaw jiksbu jew iġeddu l-permess uniku ta’ xogħol (single work permit). Kwistjoni li laqtet profondament il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema kollha — ta’ kwalunkwe nazzjonalità — kienet iż-żieda eżorbitanti fil-kiri tal-propjetà tul dawn l-aħħar ftit snin.
Il-migranti tefgħu dawl ukoll fuq tfal imwielda Malta sabiex dawn jingħataw stabbiltà u sigurtà. Barra minn hekk, hemm migranti li minkejja li għexu u ħadmu f’Malta għal diversi snin, xorta għad m’għandhomx dokumentazzjoni xierqa u sigura u l-ħin kollu jgħixu fil-biża’ li jiġu deportati. Ġiet diskussa l-ħtieġa ta’ mezzi trasparenti biex jinkisbu permessi ta’ residenza u ċittadinanza fit-tul.
L-Arċisqof Charles Scicluna enfasizza l-importanza tad-dinjità umana u qal li din għandha tiġi onorata fl-oqsma kollha tal-ħajja: “Jeħtieġ li nisimgħu lil xulxin u rridu nkunu kapaċi nagħtu tama lil kull wieħed u waħda minna.”
Dawk li attendew għal-laqgħa ħassewhom grati lejn l-Arċisqof talli sema’ t-tħassib tagħhom u talli offrielhom spazju sigur fejn setgħu jitkellmu b’mod ħieles.