Il-Fondazzjoni Centesimus Annus Pro Pontifice Malta qed tistieden lill-pubbliku għal seminar li se torganizza bit- titlu ta’ “AI: A Blessing or a Curse?”. Dan se jsir fid-9 ta’ Mejju 2024 fis-6:30pm f’Dar il-Ħanin Samaritan f’Santa Venera. Dan l-avveniment se jġib flimkien professjonisti u prattikanti ewlenin fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI) biex jiddiskutu l-impatt profond tal-AI fuq is-soċjetà.
F’era fejn it-teknoloġija bl-intelliġenza artifiċjali tinxtered f’kull aspett ta’ ħajjitna, mill-kura tas-saħħa u l-finanzi sat-trasport u d-divertiment, is-seminar se jiffoka fuq kif l-intelliġenza artifiċjali qed tiddomina fuq l-umanità u jixtarr jekk din hix saħta jew ta’ bilħaqq barka.
Dawk li jattendu jistgħu jistennew diskussjonijiet fuq perspettivi varji minn kelliema li huma minn ta’ quddiem fir-riċerka u l-implimentazzjoni u l-etika tal-AI. Is-seminar għandu l-għan li jrawwem fehma aktar profonda tal-opportunitajiet u l-isfidi ppreżentati mill-AI.
L-għan huwa li jiġi stimulat djalogu kritiku u riflessjoni dwar kif nistgħu nużaw il-potenzjal tal-AI għall-ġid akbar filwaqt li nnaqqsu r-riskji tagħha. Is-seminar huwa miftuħ għal professjonisti, akkademiċi, studenti, mexxejja tan-negozju u kull min hu interessat fil-futur tal-IA u l-implikazzjonijiet tagħha għas-soċjetà.
Biex tipparteċipa f ’din id-diskussjoni, trid irreġistra billi tibgħat email lil [email protected]. Dan is-seminar huwa organizzat minn Centesimus Annus Pro Pontifice Malta Group bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u APS Bank.
Nota biografika fuq il-kelliema
Rev Dr Jean Gové
Ir-riċerka ta’ Dun Jean Gové li hija fuq il-filosofija tal-ħsieb u l-lingwa tiffoka fuq ir-relazzjoni bejn il-ħsieb, ir-realtà virtwali u l-intelliġenza artifiċjali. Dun Jean Gové hu saċerdot djoċesan fl-Arċidjoċesi ta’ Malta. Dan l-aħħar temm il-PhD fil-filosofija fl-Università ta’ St Andrews fejn studja wkoll għall-masters tiegħu. Irċieva l-Baċellerat fit-Teoloġija Sagra mill-Università ta’ Malta, u studja wkoll bħala riċerkatur viżitatur fl-Università Pontifiċja Gregorjana (Ruma) u fl-Ecole Normale Superieure, (Pariġi). Huwa jiġi mistieden regolarment biex jgħallem fid-Dipartiment tal-AI fl-Università ta’ Malta u fl-Università ta’ St Mary’s fi Twickenham fl-Ingilterra.
Il-Professur Alexiei Dingli
Il-Prof. Alexiei Dingli huwa espert tal-AI u professur fl-Università ta’ Malta. B’aktar minn 20 sena esperjenza fil-qasam, huwa għen lil bosta kumpaniji jimplimentaw b’suċċess soluzzjonijiet tal-AI. Ix-xogħol tiegħu ġie rikonoxxut fl-livell dinji minn esperti internazzjonali, u rċieva bosta premjijiet minn organizzazzjonijiet bħall-Aġenzija Spazjali Ewropea, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, u n-Nazzjonijiet Uniti. Minbarra numru konsiderevoli ta’ pubblikazzjonijiet akkademiċi, huwa wkoll membru tat-task force Malta AI, li taħdem biex tpoġġi lil Malta bħala mexxejja globali fl-AI.