STQARRIJA MINN BOSTA ENTITAJIET TAL‑KNISJA

F’dan iż‑żmien ta’ kriżi, imqabbel minn ħafna ma’ żmien ta’ gwerra, żmien fejn il‑pajjiż qed iwaqqaf kull tip ta’ operat sabiex jipprepara għall‑ġranet li ġejjijn, insejħu lill‑awtoritajiet sabiex jieħdu aktar miżuri konkreti ħalli jassiguraw li dawk in‑nies li qed jgħixu fil‑faqar ma jispiċċawx mingħajr il‑ħtiġijiet bażiċi għal ħajja dinjituża. 

Ninsabu ferm imħassba dwar l‑impatt li l‑imxija tal‑coronavirus ser tħalli fuq dawk li huma l‑aktar vulnerabbli fis‑soċjetà tagħna.  Minkejja li l‑mard ma jiddiskriminax bejn in‑nies fuq bażi finanzjarja, soċjali, ta’ saħħa jew status ta’ immigrazzjoni, m’hemm l‑ebda dubju li l‑effetti ekonomiċi ta’ din l‑epidemija ser jagħmlu dan, u l‑iktar affettwati ser ikunu l‑foqra u dawk l‑aktar emarġinati.

Xogħlna kuljum ilaqqagħna ma’ nies li diġà qed jissieltu biex ilaħħqu mal‑ħajja ta’ kuljum – nies b’diżabbiltà, nies bi problemi ta’ saħħa mentali, dawk li qed jissieltu kontra xi tip ta’ vizzju, ex priġuniera, ex vittmi ta’ vjolenza domestika li qed jippruvaw jerġgħu jibnu ħajjithom, refuġjati, immigranti jew familji kbar li jridu jgħixu fuq paga waħda.  Ħafna minn dawn ma jaqilgħux wisq aktar mill‑paga minima, li bilkemm iservihom biex iħallsu l‑kera, l‑ikel u l‑kontijiet tad‑dawl u l‑ilma.  Ftit huma dawk li għandhom xi flus imġemma’ li jkunu jistgħu jsostnuhom f’perjodu bla xogħol fit‑tul.  Filwaqt li xi wħud jistgħu jibbenifikaw minn benefiċċji soċjali, dan ma japplikax għal kulħadd.

Napprezzaw li f’dawn l‑aħħar ġimgħat, minn mindu ġie identifikat l‑ewwel każ ta’ coronavirus, il‑Gvern waqqaf diversi servizzi ta’ sapport għal dawk in‑nies vulnerabbli, bħas‑support line u tqassim ta’ ikel għall‑anzjani li ma jistgħux joħorġu jixtru. Tħabbru wkoll diversi miżuri biex jgħinu lin‑negozji sabiex iżommu lill‑ħaddiema tagħhom u biex jgħinu persuni li jitilfu l‑impjieg konsegwenza ta’ din il‑pandemija, bħaż‑żieda temporanja fil‑benefiċċji lin‑nies qiegħda u estenzjoni tal‑iskema tas‑sussidju tal‑kera.

Filwaqt li dawn l‑inizjattivi huma kritiċi, qed jidher ċar li dan waħdu mhux biżżejjed sabiex jiġi żgurat li kulħadd ikun jista’ jgħix ħajja dinjituża fix‑xhur li ġejjijn. Sabiex dan iseħħ, huwa essenzjali li jittieħdu l‑passi meħtieġa biex jiġi pprovdut sapport materjali u finanzjarju lil kull min m’għandux biżżejjed dħul biex ikollu saqaf fuq rasu, mediċini jew ikel. Id‑dritt tal‑aċċess għal dan is‑sapport u għal dawn is‑servizzi bażiċi, bħas‑servizz tas‑saħħa, għandu jkun bbażat fuq il‑bżonn innifsu u mhux fuq xi kriterja oħra, bħall‑istatus ta’ immigrazzjoni.

F’dawn l‑aħħar ġimgħat ammirajna d‑diversi atti ta’ solidarjetà: bħal sidien ta’ postijiet jnaqqsu l‑kirjiet, sidien joffru akkomodazzjoni b’xejn, nies joffru għajnuna lill‑anzjani b’diversi qadi bħal xiri ta’ kuljum, u oħrajn li sajru għal dawk fis‑settur mediku li b’kuraġġ u determinazzjoni qed jiġġieldu kontra din il‑pandemija b’mod dirett.  Dawn l‑azzjonijiet iwasslu messaġġ ċar: agħmel ma’ ħaddiehor dak li trid li ħaddieħor jagħmel miegħek.

Aħna nemmnu li l‑politiċi għandhom jwasslu dan l‑istess messaġġ ta’ tama, billi jpoġġu fiċ‑ċentru tal‑prijorijajiet tagħhom il‑bżonnijiet ta’ dawk l‑aktar vulnerabbli fostna.

Din is‑sejħa għall‑azzjoni, hi bbażata fuq il‑konvinzjoni tagħna, li l‑unika risposta f’waqtha għal din il‑pandemija dinjija, li tkompli tenfasizza l‑inugwaljanza fi ħdan is‑soċjetà tagħna, hi waħda ibbażata fuq il‑ġustizzja u s‑solidarjetà.  Fi kliem San Ġwanni Pawlu II, is‑solidarjetà “mhix biss xi sentiment ta’ ħniena u mogħdrija, li bilkemm tfissirha, għal tant nies, fil‑qrib jew ’il bogħod, li għaddejjin minn ħafna tiġrib; imma s‑solidarjetà hi rieda soda u kostanti li timpenja ruħek għall‑ġid ta’ kulħadd, jiġifieri għall‑ġid ta’ kull bniedem u tal‑bnedmin kollha għax aħna lkoll responsabbli għal xulxin.” (Solicitudo Rei Socialis, 38)

Min‑naħa tagħna, aħna ntennu r‑rieda tagħna li ngħinu l‑awtoritajiet, fil‑limitu tal‑abbiltajiet tagħna, biex iwettqu dawn is‑servizzi fiċ-ċirkustanzi attwali.  

Kummissjoni Ġustizzja u Paċi

Kummissjoni Djakonija

Kunsill Superjuri Maġġuri tar‑Reliġjużi (KSMR)

Djar tal‑Knisja tal‑Anzjani 

Caritas Malta

Fondazzjoni Dar Merħba Bik 

Dar Hosea

Dar tal‑Providenza

Fondazzjoni Sebħ

Fondazzjoni ‘Paċi u Ġid’

Jesuit Refugee Service (Malta)

Laboratorju tal‑Paċi

Kummissjani Emigranti Malta

Millenium Chapel

L‑Istitut Paulo Freire

Salesjani Dar Osanna Pia

Segretarjat Assistenza Soċjali​ Azzjoni Kattolika Maltija(SAS)

Soċjetà ta’ San Vinċenz de Paul – Malta

Fondazzjoni St Jeanne Antide

Fondazzjoni Youth Alive