Il-Papa Franġisku żar il-gżejjer Maltin bejn mit-2 sat-3 ta’ April għal żjara qasira u intensa.
L-immmigrazzjoni, il-ferħ tal-Evanġelju u l-ħtieġa li niskopru mill-ġdid l-umanità tagħna fil-mod kif nilqgħu lil xulxin kienu fiċ-ċentru tal-Vjaġġ Appostoliku tal-Papa. It-tema taż-żjara kienet “Ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28,2). Fl-ewwel attività tiegħu, fil-Belt Valletta, il-Papa indirizza lill-President ta’ Malta u awtoritajiet ċivili oħra u enfasizza l-valuri tal-onestà, il-ġustizzja, is-sens ta’ dmir u t-trasparenza bħala “pilastri essenzjali ta’ soċjetà ċivili matura”.
Meta tkellem fis-santwarju Marjan ta’ Ta’ Pinu, is-Santu Missier tkellem ukoll b’mod espliċitu dwar l-Evanġelju li aħna msejħin inpoġġu fil-prattika: nilqgħu, inkunu esperti fl-umanità, inqabbdu ħġejjeġ ta’ ħlewwa meta l-kesħa tal-ħajja qed thedded lil dawk li qed ibatu.
Il-Papa Franġisku għalaq iż-żjara tiegħu fil-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far fejn, wara li sema’ x-xhieda ta’ żewġ migranti, ħeġġeġ lil dawk kollha preżenti biex iqabbdu ħġejjeġ ta’ fraternità, li madwarhom il-persuni jistgħu jisħnu, jerġgħu jqumu fuq saqajhom, jitkebbsu mill-ġdid bit-tama. Ejjew insaħħu t-tessut tal-ħbiberija soċjali u l-kultura tal-laqgħa.”
Aktar qabel, waqt l-Angelus tal-Ħadd fil-Furjana, il-Papa talab lil kulħadd biex jitlob għall-paċi u tkellem bil-qawwa kontra s-“sagrileġġ” tal-gwerra fl-Ukrajna.