Ftit ġimgħat ilu, il-pajjiż kollu kien maħsud bl-aħbar ta’ mewta oħra fil-ħabs. Din kienet l-erbatax-il mewta fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin mill-bidu tas-sena 2018. Inħatret inkjesta biex jiġu stabbiliti l-fatti u r-raġunijiet kollha li b’xi mod jistgħu jispjegaw din l-istatistika inkwetanti u allarmanti.
Madankollu, il-ħabsin, il-familji tagħhom u ċ-ċittadini kollha, ma jifilħux jibqgħu jistennew aktar. Iridu lil kull min hu involut jibda jiġbed ħabel wieħed biex jiżgura li l-ħabs ikun mhux biss post sigur, iżda istituzzjoni li tqiegħed r-riforma u r-riabilitazzjoni fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha, u taċċerta li d-dinjità ta’ kulħadd tkun rispettata.
Jekk hu minnu li l-iskop aħħari tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja huwa li jiġu applikati valuri u prinċipji Nsara għall-kwistjonijiet soċjali urġenti, nistgħu nduru lejn il-prinċipju tad-Dinjità Umana biex jiggwidana aħna u nevalwaw is-sitwazzjoni li qed tiżvolġi fil-ħabs. Dan il-prinċipju, li hu fil-qalba tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja, jistabbilixxi standard għoli ħafna għat-trattament ta’ dawk kollha li huma l-ħabs: Kull persuna umana, kemm jekk hi vittma li sfat mweġġgħa u kemm jekk hi l-akbar kriminal, għandha valur u dinjità invjolabbli.
Din id-dinjità trid tiġi rikonoxxuta, promossa u mħarsa f’kull ħin minn kull forma ta’ abbuż fiżiku, emozzjonali u verbali li jista’ jiġi minn ġewwa l-ħitan tal-ħabs jew minn barra. Ħadd minna mhu r-riżultat aħħari tal-agħar żbalji tagħna u d-dinjità umana mhix xi ħaġa li akkwistajna bl-imġiba tajba tagħna; hija xi ħaġa li ingħatatilna bħala bnedmin, maħluqa fix-xbieha ta’ Alla.
Irridu nżommu f’moħħna li kull persuna għandha kemm drittijiet, kif ukoll responsabbiltajiet. Dawk li jagħmlu xi reat, bla dubju jkunu qegħdin jiksru d-drittijiet ta’ ħaddieħor u jinjoraw ir-responsabbiltajiet tagħhom. Iżda t-test għall-bqija, hu jekk hux se neżerċitaw ir-responsabbiltà tagħna u nżommu lill-ħati responsabbli mingħajr ma niksru d-drittijiet bażiċi tiegħu jew tagħha, u b’hekk inżommu d-dritt għall-ħajja bħala l-aktar dritt fundamentali.
Li hemm bżonn, għalhekk, huwa bidla ta’ perspettiva fis-sistema korrettiva tagħna – waħda li mhix ibbażata fuq il-vendetta, il-biża’ u l-kastig iżda fuq il-kompassjoni, ir-riabilitazzjoni u l-ġustizzja riparattiva li tfittex li tindirizza l-kriminalità f’termini tal-ħsara li ssir lill-vittmi u lill-komunitajiet, mhux sempliċiment bħala ksur tal-liġi. Huwa imperattiv mela, li bidla eventwali fit-tmexxija tal-ħabs tkun akkumpanjata minn reviżjoni profonda li twassal għal riformi radikali tal-prattiċi attwali li jagħtu prijorità lid-dinjità tal-priġunieri, tal-familji tagħhom u tal-vittmi.
Mark Cachia