Jekk inħarsu madwarna u nosservaw il-problemi li qiegħda taffaċċja d-dinja llum, nistgħu faċilment nħossu sens ta’ diżorjentament, imprevedibbiltà jew saħansitra biża’. Il-pajjiżi Ewropej qed jiffaċċjaw sfidi fix-xena globali kawża tal-fiduċja fraġli li tiddomina fil-qafas legali internazzjonali u l-mekkaniżmi multilaterali, anke jekk jidher li bdiet tinbet żerriegħa ta’ tama minħabba t-tiġdid tas-sħubija transatlantika. Il-Konferenza tal-Kummissjoni Ewropea tal-Ġustizzja u l-Paċi, magħmula minn aktar minn tletin kummissjoni nazzjonali, hija konvinta li t-triq ‘il quddiem għall-Ewropa kollha għandha tinstab fil-ħolqien ta’ kultura ġdida ta’ paċi. Ġustizzja u Paċi Ewropa ddeċidiet li tippromwovi din l-idea fl-azzjoni komuni 2022.

It-test ta’ din l-Azzjoni Komuni ġie approvat mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġustizzja u Paċi Ewropa f’Ottubru tal-2021. Biss, minn dakinhar sal-lum, sfortunatament, inbidlu ħafna affarijiet. L-invażjoni brutali tal-Federazzjoni Russa fl-Ukraina wasslet biex il-kruha tal-gwerra terġa’ tgħolli rasha fl-Ewropa. Eluf diġà tilfu ħajjithom. Aktar minn miljun ruħ kellhom iħallu djarhom. U l-possibbiltà li l-kunflitt jinfirex mal-Ewropa kollha, bir-riżultati katastrofiċi li dan iġib miegħu, ma tistax tiġi eskluża.

Ix-xenarju li għandna quddiemna huwa eżattament l-oppost tal-kultura ta’ fraternità proposta mill-Papa Franġisku. “Il-gwerra hi falliment tal-politika u tal-umanità, ċediment tal-mistħija, telfa quddiem is-setgħat tal-ħażen. Ejjew ma neħlux f’diskussjonijiet teoretiċi, imma mmissu l-ġrieħi, il-laħam ta’ min iġarrab il-ħsara.” (Fratelli Tutti 261). Il-valuri u l-viżjoni tat-test propost f’din l-Azzjoni Komuni jibqgħu pertinenti u validi. Madankollu, f’dan il-punt kruċjali fl-istorja Ewropea, kull kelma tieħu tifsira ġdida. Huwa d-dover tagħna li napprofondixxu din ir-riflessjoni fuq xi tfisser li nibnu kultura ta’ paċi, issa li qed jidwu f’widnejna l-ħsejjes tal-armi.

B’qalbna maqsuma, nisimgħu l-vuċi ta’ dawk kollha li qed ibatu konsegwenza tal-bluha tal-gwerra. L-attakk vjolenti, li l-konsegwenzi traġiċi tiegħu qegħdin naraw b’għajnejna, għandu jieqaf immedjatament. Għadna nuru solidarjetà – permezz tal-mezzi kollha politiċi u materjali li għandna f’idejna – ma’ dawk li sfaw vittmi ta’ din l-aggressjoni vjolenti. U bħala komunità ta’ nies li jemmnu, m’għandniex noqogħdu lura milli nistaqsu mistoqsijiet skomdi dwar il-parametri morali li bihom in-nies jistgħu jiddefendu lilhom infushom kontra aggressur vjolenti u inġust. Huwa fid-dawl ta’ din id-dilemma morali li ssawret  it-teorija tal-gwerra ġusta, li minkejja t-tradizzjoni twila tagħh hija wkoll kontroversjali. Ir-rikkezza u l-kumplessità ta’ din it-teorija jistgħu jitfgħu ftit dawl meħtieġ waqt li nippruvaw nimxu ’l quddiem f’dawn iż-żminijiet tant imwiergħa.

ARA – L-Ewropa hija parti minn dinja dejjem aktar fraġli, multipolari u li qed tinbidel malajr.

Bħalissa, id-dinja tinsab miexja lejn kompetizzjoni ġdida u qawwija, manifestata b’diversi modi, inkluż, gwerer kummerċjali, kampanji ta’ diżinformazzjoni u gwerra ibrida. Ċertu lakuni fil-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi, il-pussess kontinwu u l-modernizzazzjoni tal-armamenti nukleari minn xi membri tal-komunità internazzjonali, u l-infiq militari li dejjem qed jiżdied, ikompli jkattar il-biżgħat u l-instabbiltà. Biss, kif nistgħu nosservaw mill-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi devastanti tagħha, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-akbar theddidiet għall-ħajja u s-sigurtà tan-nies mhumiex maħluqin b’mezzi militari. Il-faqar estrem, iż-żieda fl-inugwaljanzi soċjoekonomiċi, l-aċċess ristrett għar-riżorsi naturali, kif ukoll l-avvanz fid-degradazzjoni ambjentali jrendu l-kisba ta’ paċi awtentika impossibbli. F’dawn l-aħħar snin, ħafna minn dawn l-elementi dehru fl-Ewropa stess u sfortunatament kkawżaw żona ta’ instabbiltà, iddominata minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi kif ukoll minn tensjonijiet. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni lill-fatturi li għandhom il-potenzjal jimminaw il-koeżjoni soċjali u jipperikolaw il-paċi fl-Ewropa minn ġewwa. Tajjeb li naħsbu f’fenomeni perikolużi li ilhom jitkattru f’diversi pajjiżi Ewropej, bħall-ksenofobija, l-ostilità kontra l-migranti u r-refuġjati, jew il-polarizzazzjoni tas-soċjetà. Barra minn hekk, il-forzi esterni ħafna drabi jaggravaw dawn il-fenomeni. L-Unjoni Ewropea twieldet bħala proġett ta’ paċi u rikonċiljazzjoni. Illum, il-pajjiżi tal-Ewropa jistgħu jerġgħu jagħżlu t-triq li tfittex il-paċi waqt li l-Ewropej kollha huma mistiedna biex imexxu ‘l quddiem l-idea ta’ kultura ġdida ta’ paċi bħala l-istrateġija ġenerali.

IĠĠUDIKA – “Kull fejn mar, żera’ żerriegħa tal-paċi u mexa maġenb il-foqra” (FT2).

Biex nagħrfu aħjar is-sinjali taż-żminijiet u niddefinixxu r-rwol tal-Unjoni Ewropea fid-dinja b’mod aktar preċiż, tajjeb li nispiraw ruħna mill-aħħar enċiklika tal-Papa Franġisku Fratelli Tutti dwar il-fraternità u l-ħbiberija soċjali. F’din l-enċiklika, il-Papa Franġisku ddeskriva l-gwerra nnifisha, u magħha l-attakki terroristiċi, il-persekuzzjoni razzjali jew reliġjuża bħala “affront għad-dinjità umana” u li “dawn is-sitwazzjonijiet ta’ vjolenza saru tant komuni li jikkostitwixxu t-tielet gwerra dinjija, miġġielda b’mod frammentat” (ara FT 25). Għalhekk, ir-restawr tal-paċi jsir obbligu morali ġenerali għall-Insara u n-nies kollha ta’ rieda tajba. Ir-restawr ta’ paċi li “mhuwiex biss assenza ta’ gwerra iżda impenn bla heda … biex nirrikonoxxu, nipproteġu u b’mod konkret nerġgħu nirrestawraw id-dinjità, tant spiss injorata, ta’ ħutna” (FT 233). Dik li l-Papa Franġisku rrefera għaliha bħala ‘l-gwerra dinjija miġġielda b’mod frammentat’, għandha ssejjaħ lill-Unjoni Ewropea biex issawwar l-iżvilupp ta’ kultura ġdida ta’ paċi, li “tista’ tinkiseb biss meta nistinkaw għall-ġustizzja permezz tad-djalogu, r-rikonċiljazzjoni u l-iżvilupp reċiproku” (FT 229). “Il-kelma ‘kultura’ tindika xi attitudni fil-fond fi ħdan organizzazzjoni politika, tiddeskrivi l-ispirazzjoni u l-linja gwida ġenerali tagħha. Ifisser li bħala poplu aħna ħerqana li niltaqgħu, li nfittxu punti ta’ kuntatt, nibnu pontijiet, infasslu xi ħaġa li tinvolvi lil kulħadd” (FT 216). Kultura ġdida ta’ paċi titlob ukoll li jiġu ttrattati l-feriti miftuħa tal-passat fl-Ewropa. Il-ħidma għall-etika globali ta’ solidarjetà u kooperazzjoni fis-servizz tal-ġejjieni hija biċċa xogħol partikolari għar-reliġjonijiet: “Id-diversi reliġjonijiet, ibbażati fuq il-ħtieġa li l-bniedem jiġi rispettat bħala ħlejqa msejħa biex tkun iben jew bint Alla, joffru sehem prezzjuż għall-bini tal-fraternità u għall-ħarsien tal-ġustizzja fis-soċjetà.” (FT 271). Jistgħu jżommu ħajja l-​viżjoni taʼ “dinja ġdida, li fiha l-​ġustizzja u l-​paċi jiddu mill-ġdid.” (FT 278)

AĠIXXI– Proposti bil-ħsieb li tinħoloq kultura Ewropea ġdida ta’ paċi

L-elementi li ġejjin jistgħu jikkontribwixxu biex tissawwar kultura strateġika Ewropea ġdida ta’ paċi:

– Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet nazzjonali u Ewropej għandhom jaqblu li ladarba lkoll niffaċċjaw l-istess sfidi relatati mas-sigurtà u l-paċi tagħna, lkoll kemm aħna għandna parti mill-istess ambjent ġeostrateġiku madwar l-Ewropa. L-ebda pajjiż Ewropew ma għandu l-kapaċità li jindirizza b’mod komprensiv kwistjonijiet globali bħal dawn waħdu. Jeħtieġ djalogu msaħħaħ fost l-istati iżda wkoll mas-soċjetà ċivili.

– Il-pajjiżi Ewropej iridu jerfgħu r-responsabbiltà u jirrikonoxxu li l-politiki tagħhom ta’ esportazzjoni ta’ armi, li ta’ spiss hi inkonsistenti, irresponsabbli u mhix trasparenti, qegħdin ikattru, direttament jew indirettament, il-kunflitti u l-vjolenza fil-Lvant Nofsani, l-Afrika u bnadi oħra. Għandu jiġi kkunsidrat rapport annwali u indipendenti dwar l-esportazzjoni tal-armi tal-istati membri tal-UE.

– L-Istrateġija tal-UE kontra n-nonproliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa teħtieġ tiġi aġġornata sabiex tirrifletti l-iżviluppi ġeopolitiċi, legali u tekniċi riċenti.

– Fl-era ta’ wara l-Brexit tista’ tiġi esplorata l-idea li jitwaqqaf network ta’ paċi pan-Ewropea. Dan in-network għandu jinvolvi lill-UE u lir-Renju Unit iżda wkoll lill-Isvizzera u lin-nazzjonijiet Ewropej l-oħra kollha li mhumiex fl-UE.

– Il-“Boxxla tal-Istrateġiji tal-UE” il-ġdida għandha tiddefinixxi miri strateġiċi ċari orjentati lejn il-promozzjoni tas-sigurtà tal-bniedem – is-sigurtà tal-persuni, il-familji u l-komunitajiet fl-ambjent naturali tagħhom – u l-paċi sostenibbli.

– Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet Ewropej u nazzjonali għandhom jiżguraw li jkun hemm aktar riżorsi disponibbli għad-diplomazija preventiva, użu aktar effettiv tal-għajnuna offruta, kif ukoll analiżi komprensiva u inklużiva ta’ kwalunkwe kriżi li tinqala’ sabiex titqies aħjar id-dimensjoni kulturali u reliġjuża tagħha.