F’Jum il-Ħaddiem ta’ din is-sena, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tixtieq tesprimi t-tħassib tagħha dwar l-inġustizzja mġarrba minn persuni mhux mill-UE li jaħdmu f’Malta, li minkejja li jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, ma jirċivux pensjoni. Is-sistema tal-pensjoni tagħna hija msejsa fuq ħaddiema mhux mill-UE li jibqgħu hawn għal ftit snin, iħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u jitilqu qabel ma jirċievu l-pensjoni. Il-Kummissjoni temmen li dan il-mudell ta’ soċjetà huwa soċjalment inġust u moralment inaċċettabbli.
Mingħajr ebda possibbiltà realistika li Malta ssir darhom, ħaddiema mhux mill-UE ma jibbenefikawx għalkollox mill-kuntratt soċjali fiskali li fih in-nies iħallsu t-taxxa u, min-naħa tagħhom, jirċievu servizzi pubbliċi, inkluż il-pensjoni. Fin-nuqqas ta’ ftehim bilaterali jew fuq livell Ewropew mal-pajjiżi tagħhom, dawn il-ħaddiema ladarba jirritornaw lejn pajjiżhom, qatt ma jistgħu jieħdu l-benefiċċju tal-pensjoni li jpatti għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jkunu ħallsu matul is-snin. Barra minn hekk, minkejja li jikkontribwixxu l-isforzi u l-flus tagħhom għall-ġid komuni u l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-pajjiż, ħafna drabi huma ttrattati bħala klassi baxxa li qatt ma tappartjeni verament.
Ċifri mressqa riċentament fil-Parlament mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana juru li l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali minn ħaddiema barranin żdiedu b’570% mill-2012 sal-2021 biex b’kollox laħqu aktar minn €1 biljun. Fl-istess żmien dawn il-ħaddiema ħallsu wkoll aktar minn €1.3 biljun f’taxxa fuq id-dħul bit-total annwali jiżdied minn kważi €48 miljun fl-2012 għal €250 miljun fl-2021.
Is-“suċċess” ekonomiku ta’ pajjiżna u s-sostenibbiltà tal-benefiċċji soċjali tagħna qatt m’għandhom jinkisbu a skapitu tal-ħaddiema, huma min huma u ġejjin minn fejn ġejjin.
Dawn iċ-ċittadini mhux mill-UE, li bħalissa qed jaħdmu f’Malta, jammontaw għal aktar minn 40,000 u 77% minnhom kienu jaqilgħu taħt l-€20,000 fl-2021. Huma jistħoqqilhom li jiġu ttrattati b’rispett u dinjità u mhux imġiegħla jaħdmu f’xogħol ta’ sfruttament u f’kundizzjonijiet li spiss jistgħu jitqabblu ma’ skjavitù moderna.
Bħala pajjiż għandna bżonn nifhmu xi rridu nfissru b’suċċess ekonomiku. Is-sena l-oħra, il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-mexxejja tan-negozju biex ikejlu s-suċċess skont “in-numru ta’ nies li joħorġu mill-faqar estrem” minflok “qligħ, tkabbir, u riżultati miksuba mhux fit-tul (short-term)”. Huwa ħeġġeġ ukoll lill-membri tal-Assoċjazzjoni Taljana tal-Kuntratturi Privati tal-Kostruzzjoni biex dejjem jiftakru li “n-nies huma l-ġid reali: mingħajrhom m’hemm l-ebda komunità tax-xogħol, l-ebda intrapriża, l-ebda ekonomija.”
Għalhekk f’Jum il-Ħaddiem, il-Kummissjoni tappella għal kuntratt soċjali ġdid li fih id-drittijiet u d-dinjità tal-ħaddiema kollha – inkluż dawk mhux mill-UE – jiġu promossi u rispettati għalkollox, fi ħdan qafas ekonomiku li jirrestawra u jibni aktar milli jisfrutta u jeqred. Ma jistax ikun hemm ġustizzja soċjali mingħajr ġustizzja fiskali u l-ebda koeżjoni soċjali jekk id-drittijiet u d-dinjità ta’ wħud jiġu injorati sfaċċatament. Sistema ekonomika u ta’ pensjoni li tiddependi fuq l-użu u l-abbuż ta’ ħaddiema li jħallsu t-taxxa li mbagħad jitħallew b’idhom vojta u jintremew meta m’hemmx aktar bżonnhom, għandha tiġi kompletament rifjutata.