F’Jum il-Ħaddiem ta’ din is-sena, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tixtieq li, għal darb’oħra, tiġbed l-attenzjoni fuq ix-xorti traġika ta’ dawk il-ħaddiema tal-kostruzzjoni li, sfortunatament, huma l-vittmi ta’ tendenza li qed tokkorri spiss, li jitilfu ħajjithom huma u jaħdmu biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum. Il-korrimenti serji u l-imwiet fuq il-post tax-xogħol iseħħu f’setturi ekonomiċi oħra bħall-manifattura. Madankollu, l-ogħla numru ta’ mwiet fuq il-post tax-xogħol jibqa’ abbinat mas-siti tal-kostruzzjoni.
Filwaqt li nirrikonoxxu li s-settur tal-kostruzzjoni jinvolvi xogħol intrinsikament perikoluż, kif jixhdu wkoll it-369 inċident mhux fatali fuq il-post tax-xogħol irrappurtati f’dan is-settur fl-2021, ma nistgħux naslu f’punt fejn, bħala pajjiż, dawn it-traġedji jiġu normalizzati billi jiġu ppreżentati bħala biss numri ta’ statistika. Il-Papa Franġisku, fl-ewwel diskors tiegħu lill-awtoritajiet lokali fil-Palazz tal-Granmastru fil-Belt Valletta, semma’ b’mod espliċitu d-“dinjità ġusta tal-ħaddiema” u li l-ħajja għandha tiġi mħarsa “f’kull waqt milli tkun skartata u milli tiġi ttraskurata.”
Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tqis li kull inċident huwa żejjed u jrid isir sforz ikkoordinat bejn dawk kollha kkonċernati biex jiġi żgurat li n-negliġenza u n-nuqqas ta’ infurzar ma jwasslux għal traġedji bħal dawn. Skont ir-rapporti annwali tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), seħħew total ta’ 10 inċidenti fatali fl-industrija tal-kostruzzjoni bejn l-2018-2020. Fl-ewwel erba’ xhur tal-2022, diġà ġew irrappurtati żewġ imwiet fuq il-post tax-xogħol fis-settur tal-kostruzzjoni.
F’settur li, fit-teorija, huwa diġà regolat sew, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi temmen li hemm bżonn bidla fil-kultura li twassal għal infurzar xieraq u responsabbiltà ċara. Jekk id-dritt għal ambjent tax-xogħol sikur u tajjeb għas-saħħa jrid jibqa’ tassew universali u ma jsirx privileġġ għall-ftit, dawk kollha li huma responsabbli jridu jibqgħu viġilanti ħafna biex ma jippermettux li d-drittijiet jiġu mkażbra.
Għal dan il-għan, filwaqt li tħeġġeġ lil kulħadd biex qatt ma jsir indifferenti jew desensibilizzat għall-imwiet fuq is-sit tal-kostruzzjoni, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex:
- Tiżgura li l-liġijiet tax-xogħol u tal-kostruzzjoni jiġu infurzati b’mod universali, mingħajr eċċezzjoni, billi jiġu pprovduti riżorsi adegwati lill-awtoritajiet bħall-OHSA li hija responsabbli għal kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
- Tingħata l-attenzjoni meħtieġa lir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika tal-2020 li ffoka fuq l-industrija tal-kostruzzjoni biex jiġu identifikati kwalunkwe rakkomandazzjonijiet li għadhom ma ttiħdux azzjoni fuqhom.
- Jitwettaq studju dettaljat li jinvolvi l-partijiet rilevanti kollha bil-għan li tanalizza r-raġunijiet wara dawn l-inċidenti, b’impenn ċar li timplimenta mingħajr dewmien ir-rakkomandazzjonijiet deskritti fit-tali rapport u tmur lil hinn mir-reazzjonijiet immedjati li naraw wara kull fatalità f’sit ta’ kostruzzjoni.
- Dawk kollha li jisfruttaw il-ħaddiema jew li jinstabu li huma responsabbli għal korriment serju jew telf ta’ ħajja tal-ħaddiema tagħhom minħabba negliġenza għandhom jiġu sanzjonati fil-pront u b’mod aħrax, inkluż it-teħid tal-liċenzja.
- Titqajjem aktar kuxjenza fost il-ħaddiema tal-kostruzzjoni dwar id-dritt tagħhom għal ambjent tax-xogħol sikur u tajjeb għas-saħħa u dwar l-importanza li jsir użu mit-tagħmir tas-sigurtà pprovdut u li jsegwu l-proċeduri ta’ sikurezza kollha.
Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi temmen li s-sigurtà tal-ħaddiema tal-kostruzzjoni qatt ma għandha tiġi sagrifikata għal fini tat-tkabbir ekonomiku u r-regħba bla limitu. Ħaddiem qatt ma jista’ jiġi ridott għal parti li tintrema’ fir-rota ta’ ekonomija bla ruħ. L-iskop ta’ kull attività ekonomika – inkluża l-industrija tal-kostruzzjoni – huwa li taqdi lin-nies, tiffavorixxi relazzjonijiet b’saħħithom ma’ xulxin u l-ambjent naturali tagħna, filwaqt li tippromwovi l-ġid komuni.