Fiċ-ċirkustanzi ekonomiċi globali tal-lum, kemm l-ambjent kif ukoll id-dinjità tal-bniedem jinsabu f’riskju, bi tħassib għat-tisħiħ tal-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri. Il-mudelli attwali ta’ tkabbir mhumiex kapaċi jiggarantixxu r-rispett għall-ambjent, il-ftuħ għall-ħajja, it-tħassib tal-familji, l-ugwaljanza soċjali u d-dinjità tal-ħaddiema. Dan huwa rifless fit-tagħlim tal-Papa Franġisku, li kkritika bil-qawwa l-istat patoloġiku tal-ekonomija globali billi rrefera għalih bħala “ekonomija li toqtol”.

Fid-dawl ta’ dan, il-laqgħa internazzjonali ‘L-Ekonomija ta’ Franġisku’, se tlaqqa’ liż-żgħażagħ biex jiġu mħeġġa jkunu l-protagonisti għall-bidla tal-mudelli ekonomiċi attwali. Dan l-avveniment ifittex li jrawwem kultura ta’ komunjoni bbażata fuq il-fraternità u l-ugwaljanza biex jinbnew ideat u kollaborazzjonijiet ġodda permezz tat-teorija u l-prattika flimkien. L-għan aħħari huwa li l-ekonomija ta’ għada jkollha ruħ u tistabbilixxi viżjoni olistika u essenzjali biex tħares “id-dar komuni” tagħna filwaqt li tiżgura ġustizzja għall-foqra u ssib tweġibiet għall-problemi strutturali tal-ekonomija globali.

Din il-laqgħa, li se ssir f’Assisi bejn is-26 u t-28 ta’ Marzu 2020, se tgħaqqad 500 persuna minn madwar id-dinja kollha li għandhom sa 35 sena, fosthom riċerkaturi fl-ekonomija, intraprendituri żgħażagħ u persuni xpruni tal-bidla. Se jingħata spazju għar-riflessjoni u s-silenzju, għall-esperjenzi u l-laqgħat, għall-arti u l-ispiritwalità. Għadd ta’ ekonomisti magħrufa, esperti fl-iżvilupp sostenibbli u intraprendituri li lkoll jaħdmu fuq livell dinji għal ekonomija differenti, se jmexxu attivitajiet artistiċi u plenarji. Il-proposta hi li jsir patt li jmur lil hinn mid-differenzi tat-twemmin u n-nazzjonalitajiet. Il-bnedmin jeżistu, jgħixu u jaġixxu flimkien, u mhux weħidhom, u għalhekk għandna bżonn lil xulxin biex nikbru.

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi qed tappoġġja b’mod attiv dan l-avveniment u anke għadd ta’ parteċipanti, filwaqt li qed tħejji attività bi preparazzjoni għall-‘L-Ekononmja ta’ Franġisku’. F’Ottubru mbad ser tigi organizzata konferenza ta’ segwitu b’ħidma mal-fergħat Maltin tal-Moviment tal-Fokolari u l-Fondazzjoni Centesimus Annus Pro Pontifice.

Aktar informazzjoni tista’ tinstab minn www.francescoeconomy.org.