Sa mill-ewwel ġurnata tas-Sixth Form il-motto “Irġiel u nisa għal oħrajn” kien kontinwament imtenni u enfasizzat waqt diversi lezzjonijiet u diskorsi. Hija kwotazzjoni meħuda minn Pedro Arrupe SJ, li turi l-importanza tal-għarfien soċjali. L- “oħrajn” li jsemmi jinvolvi kull bniedem, speċjalment dawk li ġew meqjusa bħala “l-oħrajn” mis-soċjetà, bħall-migranti.
Bħalissa, huwa relattivament aktar faċli li tkun individwalistiku, li timmira lejn l-interess tiegħi aktar mill-interess tas-soċjetà kollha kemm hi. Madankollu, fl-istess ħin ma nistgħux ninsew is-sentiment ta’ komunità u l-ħtieġa tagħna li nagħmlu parti minn xi ħaġa ikbar. Kienet din l-idea stess ta’ komunità li wasslitni biex nkun involuta u nagħmel dak li nista’ biex inqajjem kuxjenza u biex intejjbu is-sitwazzjoni ta’ dawk li qegħdin ifittxu l-ażil. Meta nħares lejn il-migranti fi bżonn iddisprat tal-għajnuna tagħna, nara bnedmin ibatu, ċar u tond. Jekk bħala popolazzjoni, aħna lesti li nħallu n-nies imutu mela tassew qed nonqsu bħala grupp u tlifna triqitna. Madre Teresa tgħid, ‘M’għandniex bżonn pistoli u bombi biex inġibu l-paċi, għandna bżonn imħabba u ħniena.’ Il-kompassjoni li ssemmi Madre Tereża hija virtù li għandha tqanqalna biex ninvolvu ruħna u ngħinu lil dawk fil-bżonn, xi ħaġa li hija nieqsa ħafna fis-soċjetà tagħna.
Wieħed ma jistax jimmaġina kemm hi kerha il-ħajja tal-migranti. Għal uħud, din tinvolvi taqbida twila u iebsa matul artijiet nexfin bi kważi l-ebda ikel jew ilma. Imbagħad għandhom jaqsmu l-Baħar Mediterran mingħajr l-ebda garanzija li jsalvaw f’dan il-vjaġġ. Wara dan it-turment u t-tbatija kollha, huma kważi qed jilħqu s-sigurtà u l-libertà, iżda aħna bi traskuraġni naqbduhom u nitfgħuhom fuq id-dgħajjes turistiċi tal-Captain Morgan mingħajr aċċess għal riżorsi li huma legalment intitolati għalihom. Il-mistoqsija mhix “għaliex int involut?” iżda hija “kif tista’ ma tinvolvix ruħek?” Il-Bibbja tgħid, “Agħmlu l-ħaqq u s-sewwa u eħilsu l-maħqur minn id l-oppressuri u l-barrani… la tgħakksuhomx, la tagħmlulhomx vjolenza. ” (Ġer 22:3). Huwa d-dmir morali tagħna li ngħinu lill-aktar vulnerabbli fil-komunità tagħna. Mhuwiex xogħolna li nitkellmu għalihom, imma rridu namplifikaw il-vuċi tagħhom u niġġieldu għad-drittijiet tagħhom. Irridu nkunu soċjalment responsabbli u nagħmlu dak kollu li hu fil-poter tagħna biex ngħinu lil dawk fil-bżonn.
Madre Teresa tgħidilna: “Tistennewx il-mexxejja; agħmilha waħedek, minn persuna għall-oħra.” Ma nistgħux noqogħdu fuq in-nies fil-poter biss biex nagħmlu dak li hu sewwa, imma rridu nassumu wkoll ftit mir-responsabbiltà. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, in-nies fil-Parlament huma dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. Huwa għalhekk li pprotestajna quddiem il-Parlament Malti, sakemm id-dgħajjes tal-Kaptan Morgan tħallew jiżbarkaw.
Lara Mohnani; Studenta tas-Sixth Form ta’ 18-il sena, qed tistudja x-xjenzi fil-Kulleġġ San Alwiġi.