Is-sibt, 24 ta’ Settembru, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi flimkien mal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent organizzaw attività biex ifakkru l-Istaġun tal-Ħolqien 2022.
Madwar sittin persuna ħadu sehem fl-attività ispirata mill-figura ta’ Santa Hildegard ta’ Bingen, mara b’messaġġ b’saħħtu għal żmienna. Il-programm kien jikkonsisti f’nofs ta’ nhar ta’ għarfien fuq il-ħajja u l-ħidma ta’ din il-qaddisa li fi żmienha spikkat għall-kontribut tagħha fl-iżvilupp tal-ispiritwalità ekoloġika.
L-attività, li saret fil-Monasteru Benedittin ta’ San Pietru, l-Imdina, kienet tinkludi workshops fejn il-parteċipanti setgħu jduqu ftit mill-kontribut ta’ Hildegard fil qasam tal-kitba, il-mużika, l-arti u l-apprezzament ta’ ħxejjex mediċinali.