Għeżież aħwa!
“Ikun għalikom il-barrani bħal wieħed ta’ ġewwa; ħobbu bħalek innifsek, għax barranin kontu fl-art tal-Eġittu: Jien il-Mulej Alla tagħkom” (Levitiku 19:34).
Fl-ewwel snin tal-pontifikat tiegħi, jien ripetutament stqarrejt it-tħassib partikolari tiegħi dwar il-qagħda mwegħra ta’ bosta migranti u refuġjati li jaħarbu mill-gwerer, persekuzzjonijiet, diżastri naturali u faqar. Dan huwa mingħajr dubju “sinjal taż-żminijiet” li jien ippruvajt ninterpreta dejjem, bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, sa miż-żjara tiegħi f’Lampedusa fit-8 ta’ Lulju, 2013. Meta stabbilejt id-Dikasteru għas-Servizz ta’ Żvilupp Uman Sħiħ, jien ridt li jkun fih taqsima speċjali – għalissa taħt id-direzzjoni personali tiegħi – li turi t-tħassib tal-Knisja għall-migranti, nies maqlugħin minn djarhom, refuġjati u vittmi tat-traffiku tal-bnedmin.
Kull stranġier li jħabbat fuq il-bieb tagħna huwa okkażjoni ta’ laqgħa ma’ Ġesù Kristu, li jidentifika ruħu mal-istranġier ta’ kull żmien li jiġi milqugħ jew rifjutat (Mattew 25:35-43). Il-Mulej jafda fl-imħabba materna tal-Knisja, lil kull bniedem li jkollu jħalli artu biex ifittex ġejjieni aħjar.[1] Din is-solidarjetà trid tiġi murija b’mod konkret f’kull stadju tal-esperjenza migratorja: mit-tluq għall-vjaġġ, mill-wasla għar-ritorn. Din hija responsabbiltà kbira li l-Knisja trid taqsam ma’ dawk kollha li jemmnu u mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, li huma msejħin biex, għall-bosta sfidi tal-migrazzjoni ta’ żmienna, iwieġbu b’ġenerożità, ħeffa, għaqal u billi jħarsu fil-bogħod, kull wieħed u waħda skont il-possibbiltajiet tagħhom.
F’dan ir-rigward, nixtieq nirriafferma li “t-tweġiba komuni tagħna tista’ tiġi artikolata b’erba’ verbi li jsibu s-sisien tagħhom fil-prinċipji tad-dutrina tal-Knisja: nilqgħu, nipproteġu, nippromwovu u nintegraw”.[2]
Meta wieħed iqis ix-xenarju ta’ bħalissa, nilqgħu tfisser, fuq kollox, li noffru lill-migranti u r-refuġjati possibilitajiet usa’ għal dħul sikur u legali fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni. F’dan is-sens, hu mixtieq impenn konkret biex jitjieb u jiġi simplifikat il-proċess għall-għoti ta’ visas umanitarji u għall-għaqda mill-ġdid tal-familji. Fl-istess ħin, jien nittama li numru akbar ta’ pajjiżi jadottaw programmi ta’ sponsorxip privat u komunitarju, u jiftħu kuriduri umanitarji għar-refuġjati l-iktar vulnerabbli. Barra minn dan, in-nies li jkunu qed jaħarbu minn konfliti f’pajjiżi ġirien għandhom jingħataw visas temporanji speċjali. It-tkeċċijiet kollettivi u arbitrarji ta’ migranti u refuġjati mhumiex soluzzjonijiet xierqa, speċjalment meta n-nies jintbagħtu lura f’pajjiżi li ma jistgħux jiggarantixxu r-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali.[3]
Għal darba oħra, irrid nisħaq fuq l-importanza li l-akkomodazzjoni tal-bidu li jingħataw il-migranti u r-refuġjati tkun adekwata u dinjituża. “Il-programmi mifruxin ta’ merħba, li diġà qed iseħħu f’postijiet diversi, jidhru jiffaċilitaw il-laqgħa personali u jippermettu kwalità ta’ servizz aħjar, b’garanziji akbar ta’ suċċess.[4] Il-prinċipju taċ-ċentralità tal-persuna umana, mistqarr b’qawwa mill-għażiż predeċessur tiegħi, Benedittu XVI,[5] jobbligana li s-sikurtà personali nżommuha dejjem quddiem is-sigurtà nazzjonali. Huwa meħtieġ, għalhekk, li niżguraw li n-nies inkarigati biex jikkontrollaw il-fruntieri jkollhom taħriġ tajjeb. Il-qagħda tal-migranti, dawk li jkunu qed ifittxu l-ażil u r-refuġjati titlob li jiġu garantiti lilhom s-sikurtà personali u l-aċċess għal servizzi bażiċi. F’isem id-dinjità fundamentali ta’ kull persuna, jixraq li jsir sforz biex dawk li jidħlu fil-pajjiż mingħajr ma jkunu awtorizzati ma jinżammux f’detenzjoni, imma jinstabulhom soluzzjonijiet alternattivi.[6]
It-tieni verb, nipproteġu, jista’ jiġu mifhum bħala serje ta’ azzjonijiet maħsubin biex jiddefendu d-drittijiet u d-dinjità tal-migranti u r-refuġjati, ikun xi jkun l-istatus legali tagħhom.[7] Protezzjoni bħal din tibda fil-pajjiż ta’ oriġini, billi qabel ma jitlaq dak li jkun jingħata tagħrif ta’ min joqgħod fuqu u verifikat, u billi jkun imħares minn prattiċi ta’ reklutaġġ illegali.[8] Dan għandu jkompli, kemm jista’ jkun, fil-pajjiż tal-migrazzjoni, b’mod li jkun żgurat li l-migranti jkollhom assistenza konsolari adekwata, id-dritt li f’kull żmien ikunu jistgħu jżommu għandhom personalment id-dokumenti tagħhom ta’ identità, aċċess ekwu għall-ġustizzja, il-possibbiltà li jiftħu kont bankarju personali, u l-garanzija li jkollhom il-minimu meħtieġ biex bniedem ikun jista’ jgħix. Meta l-ħiliet u l-kompetenzi tal-migranti, dawk li jfittxu l-ażil u r-refuġjati jkunu rikonoxxuti u valorizzati b’mod xieraq, dawn ikunu riżors siewi għall-komunitajiet li jilqgħuhom.[9] Għalhekk jien nittama li, f’rispett lejn id-dinjità tagħhom, fil-pajjiżi li jilqgħuhom il-migranti jingħataw il-libertà tal-moviment, il-possibbiltà li jaħdmu, u aċċess għall-mezzi tat-telekomunikazzjoni. Irrid nisħaq fuq il-bżonn li, għal dawk li jiddeċiedu li jmorru lura lejn arthom, jiġu żviluppati programmi soċjali u professjonali ta’ integrazzjoni mill-ġdid.
Il-Konvenzjoni Internazzjonali fuq id-Drittijiet tat-Tfal tipprovdi bażi legali universali għall-ħarsien ta’ migranti li jkunu taħt l-età. Huma għandhom ikunu ħielsa minn kull forma ta’ detenzjoni marbuta mal-istatus migratorju tagħhom, u għandu jkollhom il-garanzija ta’ aċċess regolari għall-edukazzjoni primarja u sekondarja. Bl-istess mod, meta jikbru, għandu jkun garantit lilhom id-dritt li jibqgħu fejn ikunu u li jkollhom il-possibbiltà li jkomplu l-istudji tagħhom. Għal minuri li ma jkunux akkompanjati u minuri mifrudin mill-familji tagħhom għandu jkun hemm programmi ta’ kustodja jew affidament temporanji.[10] Id-dritt universali għal nazzjonalità għandu jkun rikonoxxut u ċertifikat kif meħtieġ għat-tfal kollha sa mill-mument ta’ twelidhom. Il-qagħda ta’ mingħajr stat li migranti u refuġjati kultant isibu ruħhom fiha tista’ tiġi evitata faċilment bl-adozzjoni ta’ “leġislazzjoni nazzjonali li tkun konformi mal-prinċipji fundamentali tal-liġi internazzjonali”.[11] L-istatus migratorju m’għandux jillimita l-aċċess għall-programmi nazzjonali tal-kura tas-saħħa u tal-pensjoni, u lanqas ma għandu jeffettwa t-trasferiment tal-kontibuzzjonijiet tagħhom f’każ li jiġu ripatrijati.
Nippromwovu essenzjalment tfisser li naħdmu b’determinazzjoni biex jiġi żgurat li l-migranti u r-refuġjati kollha, kif ukoll il-komunitàjiet li jilqgħuhom, ikunu mgħejjunin jiksbu l-potenzjal kollu tagħhom bħala persuni, fid-dimensjonijiet kollha li jikkostitwixxu l-umanità li jrid il-Ħallieq.[12] Fost dawn id-dimensjonijiet, irid jiġi magħruf il-valur veru tad-dimensjoni reliġjuża, b’mod li kull stranġier li jkun preżenti fit-territorju jkollu l-garanzija li jista’ jistqarr u jipprattika t-twemmin reliġjuż tiegħu bil-libertà.
Bosta migranti u refuġjati għandhom ħiliet li jridu jiġu rikonoxxuti u valorizzati tajjeb. Billi “x-xogħol, min-natura tiegħu, huwa destinat biex jgħaqqad il-popli”, [13] jien ninkuraġġixxi li jsir sforz determinat biex titmexxa ’l quddiem l-inklużjoni soċjali u professjonali tal-migranti u r-refuġjati, b’mod li jkunu garantiti għal kulħadd, inklużi dawk li jkunu qed ifittxu ażil, il-possibbiltà tax-xogħol, tagħlim tal-lingwa u ċittadinanza attiva, flimkien ma’ tagħrif biżżejjed fi lsien art twelidhom.
Fil-każ ta’ migranti li jkunu taħt l-età, l-involviment tagħhom fix-xogħol irid ikun regolamentat biex jiġu evitati l-abbużi u r-riskji għall-iżvilupp normali tagħhom. Fl-2006, Benedittu XVI ġibed l-attenzjoni fuq kif, fil-kontest tal-migrazzjoni, il-familja hija “post u riżors tal-kultura tal-ħajja u fattur ta’ integrazzjoni ta’ valuri”.[14] L-integrità tal-familja għandha titmexxa dejjem ’il quddiem. Għandha wkoll tiġi appoġġjata l-għaqda mill-ġdid tagħha – inklużi nanniet, neputijiet u aħwa – mingħajr ma dan ikun kundizzjonat għal konsiderazzjonijiet finanzjarji. Għall-migranti, nies li jfittxu l-ażil u r-refuġjati li jkollhom xi diżabilità għandu jkun hemm il-garanzija ta’ assistenza u appoġġ akbar. Filwaqt li nagħraf l-isforzi ta’ min ifaħħarhom li jeżistu diġà f’diversi pajjiżi, dwar dawk li huma kooperazzjoni internazzjonali u għajnuna umanitarja, jien nittama li l-offerta ta’ din l-assistenza tagħti kas tal-bżonnijiet (bħal assistenza medika u soċjali, kif ukoll edukazzjoni) tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jirċievu mewġiet qawwija ta’ migranti u refuġjati. Nittama wkoll li komunitajiet lokali li huma vulnerabbli u li qed iħabbtu wiċċhom ma’ tbatija materjali, ikunu magħdudin ma’ dawk li jirċievu l-għajnuna.[15]
L-aħħar verb, nintegraw, jorbot mal-opportunitajiet għal arrikkament interkulturali mnissel mill-preżenza ta’ migranti u refuġjati. L-integrazzjoni mhix “assimilazzjoni li twassal għas-soppressjoni jew biex dak li jkun jinsa l-identità kulturali tiegħu. Il-kuntatt mal-oħrajn pjuttost għandu jgħin biex dak li jkun jiskopri ‘is-sigriet’ tagħhom, li jinfetaħ biex jilqa’ l-aspetti validi tagħhom u hekk jikkontribwixxi biex isiru jafu lil xulxin aħjar. Dan hu proċess twil li l-mira tiegħu hija li jifforma soċjetajiet u kulturi, li jagħmilhom dejjem iżjed rifless tad-doni, f’ħafna forom, ta’ Alla għall-bnedmin”.[16] Il-proċess jistà jitħaffef bl-offerta ta’ ċittadinanza li ma tkunx marbuta ma’ kundizzjonijiet ekonomiċi jew ta’ lingwa u bil-faċilità ta’ regolarizzazzjoni straordinarja għal migranti li jkollhom kas biex jibqgħu fit-tul fil-pajjiż. Intenni l-bżonn li tiġi mgħejjuna b’kull mod il-kultura tal-inkontru, billi jitkattru l-opportunitajiet għal bdil interkulturali, bid-dokumentazzjoni u b’ħidma biex ikunu magħrufin il-metodi t-tajbin għall-integrazzjoni, u bl-iżvilupp ta’ programmi maħsubin biex iħejju l-komunitajiet lokali għal proċess ta’ integrazzjoni. Nixtieq nisħaq fuq il-kas speċjali ta’ nies li jkunu sfurzati jabbandunaw il-pajjiż fejn ikunu waslu minħabba kriżi umanitarja. Għal dawn in-nies għandu jkun hemm assikurazzjoni ta’ assistenza adekwata għar-rimpatriju u programmi effettivi ta’ integrazzjoni mill-ġdid f’arthom.
F’konformità mat-tradizzjoni pastorali tagħha, il-Knisja hija lesta timpenja ruħha biex twettaq l-inizjattivi kollha proposti hawn fuq. Biss biex ikunu jistgħu jinkisbu r-riżulati mixtieqa, huwa indispensabbli li jkun hemm il-kontribut tal-komunità politika u tas-soċjetà ċivili, ilkoll skont ir-responsabbiltajiet tagħhom.
Fil-Laqgħa tal-Ġnus Magħquda li saret fi New York fid-19 ta’ Settembru, 2016, il-mexxejja tad-dinja stqarrew b’mod ċar ir-rieda tagħhom li jaħdmu biex tiġi salvata l-ħajja u jitħarsu d-drittijiet tal-migranti u r-refuġjati, billi jaqsmu din ir-responsabbiltà fuq livell globali. B’dan il-għan, l-Istati mpenjaw irwieħhom li jfasslu u japprovaw, qabel tmiem l-2018, żewġ patti globali (Global Compacts), wieħed dedikat lir-refuġjati u ieħor dwar il-migranti.
Illum, 15 ta’ Awwissu, aħna niċċelebraw is-Solennità tat-Tlugħ ta’ Marija Santissima fis-Sema. Omm Alla esperjenzat it-tbatija tal-eżilju (Mattew 2:13-15), akkompanjat b’imħabba lil Binha fi triqtu sal-Kalvarju, u llum qed taqsam miegħu għal dejjem il-glorja tiegħu. Nafdaw fl-interċessjoni materna tagħha, it-tamiet tal-migranti u r-refuġjati tad-dinja, u l-aspirazzjonijiet tal-komunitajiet li jilqgħuhom, sabiex, f’konformità mal-ogħla kmandament tal-Mulej, ilkoll nitgħallmu nħobbu lill-oħrajn, l-istranġieri, bħalna nfusna.
Belt tal-Vatikan, 15 ta’ Awwissu, 2017
Solennità tal-Assunzjoni tal-Beata Verġni Marija
FRANĠISKU
[1] Cf. Piju XII, Kostituzzjoni Appostolika Exsul
Familia, Titulus Primus, I.
[2] Indirizz lill-Parteċipanti fil-Forum
Internazzjonali dwar “Il-Migrazzjoni u l-Paċi”, 21 ta’ Frar, 2017.
[3] Cf. Stqarrija
tal-Osservatur Permanenti tas-Santa Sede lill-103 Sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni
Internazzjonali tal-Migrazzjoni, 26 ta’ Novembru, 2013.
[4] Indirizz lill-Parteċipanti tal-Forum
Internazzjonali dwar “Il-Migrazzjoni u l-Paċi”, 21 ta’ Frar, 2017.
[5] Cf. Benedittu
XVI, Ittra Enċiklika Caritas in Veritate, 47.
[6] Cf.
Stqarrija tal-Osservatur Permanenti tas-Santa Sede lill-20
Sessjoni tal-Kunsill tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, 22 ta’
Ġunju, 2012.
[7] Cf.
Benedittu XVI, Ittra Enċiklika Caritas in Veritate, 62.
[8] Cf.
Kunsill Pontifiċju għall-Kura Pastorali tal-Migranti u Nies Itineranti, Istruzzjoni Erga Migrantes Caritas Christi, 6.
[9] Cf.
Benedittu XVI, Indirizz lill-Parteċipanti tas-Sitt
Kungress Dinji dwar il-Kura Pastorali
tal-Migranti u Nies Itineranti, 9 ta’ Novembru, 2009.
[10] Cf.
Benedittu XVI, Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Migranti
u Refuġjati (2010) u Stqarrija tal-Osservatur Permanenti tas-Santa
Sede lis-26 Sessjoni Ordinarja tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-Drittijiet
tal-Bniedem tal-Migranti, 13 ta’ Ġunju, 2014.
[11] Kunsill
Pontifiċju għall-Kura Pastoral ital-Migranti u Nies Itineranti u l-Kunsill
Pontifiċju Cor Unum, Nilqgħu lil Kristu fir-Refuġjati u
Nies Maqlugħin minn Għeruqhom bil-Forza, 2013,
70.
[12] Cf.
Pawlu VI, Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 14.
[13] Ġwanni
Pawlu II, Ittra Enċiklika Centesimus Annus, 27.
[14] Benedittu XVI, Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Migranti u Refuġjati (2007).
[15] Cf.
Kunsill Pontifiċju għall-Kura Pastoral ital-Migranti u Nies Itinerani u
l-Kunsill Pontifiċju Cor Unum, Nilqgħu lil Kristu fir-Refuġjati u
Nies Maqlugħin minn Għeruqhom bil-Forza, 2013, 30-31.
[16] Ġwanni Pawlu II, Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Migranti u Refuġjati 2005, 24 ta’ Novembru, 2004.