Issa li, bil-mod il-mod, il-pajjiż qed imur lura għar-rutina tas-soltu wara l-Elezzjoni Ġenerali li saret is-Sibt li għadda, Malta tidher li tinsab f’xenarju familjari: nofs il-poplu qed jiċċelebra, u n-nofs l-ieħor jinsab f’luttu. Xi nies qed iċemplu lill-qraba u lill-ġirien biex jinkuhom. Oħrajn iċemplu biex jagħmlu kuraġġ lil xulxin. Ħafna ħadu r-ruħ, filwaqt li oħrajn qed jokorbu bl-uġigħ, bir-rabja u l-qtigħ il-qalb. Fi kliem ieħor, għal darb’oħra, il-partiġjaniżmu estrem jidher li għadu preżenti wara l-elezzjoni daqskemm kien preżenti fil-ġimgħa ta’ qabel l-elezzjoni.
F’konformità mal-viżjoni tal-Kummissjoni ta’ soċjetà rikonċiljata u ġusta mibnija fuq il-valuri tal-verità, it-temperanza, il-kuraġġ kreattiv u l-paċenzja ħanina, nixtiequ noffru dawn il-‘pariri’ li jistgħu jgħinuna ngħixu dan il-perjodu ta’ wara l-elezzjoni mingħajr ma nneħħu minn quddiem għajnejna dak li hu tassew essenzjali fit-taqtigħa komuni tagħna biex nibnu soċjetà aktar inklużiva u fraterna.
- Rebħa jew telfa: aħna msejħin biex ngħixu flimkien
F’pajjiż, fejn, kull forma ta’ nuqqas ta’ qbil malajr tiddeġenera f’kunflitt, irridu nitgħallmu (jew nerġgħu niskopru) l-arti tad-djalogu rispettuż li jinkludi rieda ġenwina li nisimgħu lil xulxin u nitgħallmu minn xulxin. Fil-ħidma komuni tagħna favur il-ġid komuni, aħna nemmnu li – kuntrarju għat-twemmin popolari – huwa possibbli li niddiskutu kwistjonijiet nazzjonali kontroversjali mingħajr ma nkissru lil ħaddiehor.
- Rebħa jew telfa: aħna msejħin biex nittrattaw lin-nies kollha b’dinjità
Filwaqt li hu importanti li ma ninjorawx l-emozzjonijiet li nkunu qed nesperjenzaw, tħalli qatt il-mibegħda u d-disprezz lejn in-nies ‘tan-naħa l-oħra’ jikkunsmawk. Forsi ma nifhmux għaliex il-persuna l-oħra ivvotat hekk jew għaliex iddeċidiet li ma tivvotax. Iżda għalkemm jista’ jidher impossibbli bħalissa, ipprova agħti lil dik il-persuna l-benefiċċju tad-dubju. Filwaqt li għandna nżommu sod mat-twemmin tagħna, it-tweġiba tagħna għal dawk li għandhom opinjoni politika differenti mhix li nkeċċu jew nirridikolaw b’disprezz, iżda, li nwieġbu b’paċenzja ħanina u b’umiltà. Flok il-preġudizzju supperv nistgħu nuru rispett reċiproku. Nistgħu nisimgħu mingħajr ma nwarrbu. U f’din il-mixja, għaliex ma nippruvawx inkunu ġentili ma’ xulxin u nwarrbu kull forma ta’ aggressjoni? Fl-aħħar nett, jekk f’dawn l-aħħar ġimgħat weġġajna lil xi ħadd, sew jekk intenzjonalment u sew jekk le, dan jista’ jkun żmien tajjeb biex infittxu lil dik il-persuna u niskużaw ruħna.
- Rebħa jew telfa: ipprepara għall-azzjoni mimlija mħabba
Il-parteċipazzjoni politika m’għandha qatt tkun limitata għall-att tal-votazzjoni darba kull ħames snin. U r-responsabbiltajiet tagħna bħala ċittadini ma jiqfux fil-post tal-votazzjoni. Is-Sibt ivvotajna biex nagħżlu lill-persuni li ħa jirrappreżentawna fil-Parlament. Dak il-vot bl-ebda mod ma jfisser li issa nistgħu ninjoraw ir-responsabbiltajiet ċiviċi kontinwi tagħna. Minbarra l-bżonn li nkomplu nitolbu lill-Membri Parlamentari biex ikunu responsabbli tal-imġiba u d-deċiżjonijiet tagħhom, biex jirrappreżentawna bl-aħjar mod, irridu nkomplu niddiskutu magħhom il-valuri tagħna, it-tip ta’ soċjetà li nixtiequ ngħixu fiha, u d-direzzjoni li nixtiequ naraw il-pajjiż jieħu. Kif spjega l-Papa Franġisku fi Fratelli Tutti, “Ma rridux noqogħdu nistennew kollox mingħand dawk li jmexxuna, tkun ħaġa infantili. Aħna ngawdu minn ċerta korresponsabbiltà li kapaċi twassal għal proċessi u bidliet ġodda. Irridu nkunu parti attiva fir-riabilitazzjoni u fit-tweżin tas-soċjetajiet midruba.” Huwa fl-interess ta’ kulħadd li tonqos il-pika partiġġjana. Min-naħa l-oħra, jekk nieħdu “break” mill-politika, żgur li ma jibbenefika lil ħadd.