Ir-randan jitqies bħala perjodu ta’ penitenza u tiġdid, fejn nagħmlu eżami tal-kuxjenza dwar okkażjonijiet varji fejn stajna dnibna, filwaqt li nikkommettu ruħna biex nimxu wara’ Ġesu. B’referenza għal dan, l-enċiklika “Laudato Si”, tagħti importanza li aħna nwettqu konverżjoni interjuri, billi nkunu konxji tal-iżbalji, tad-dnubiet, tal-ħtijjiet u tan-nuqqasijiet tagħna. (217 – 218)
Il-Moviment Kattoliku dwar il-bidla fil-Klima Dinjija (GCCM), jipproponi sabiex nagħmlu analiżi personali tas-seba’ dnubiet kardinali (kburija, regħba, żina, rabja, għira, għażż u sokor). B’hekk nirifflettu u neżaminaw dawn id-dnubiet minn lenti tad-dnub ekoloġiku, fejn nirriflettu fuq dawk il-mumenti li ġagħluna nitbiegħdu mill-Ħallieq, minn sħabna u saħansitra minna nfusna stess. Bħala Kattoliċi li naħdmu favur il-ġustizzja, hemm tendenza li nikkonċentraw iżżejjed fuq soluzjonijiet sofistikati relatati ma’ regolamenti tal-Gvern, tratatti internazzjonali jew programmi edukattivi. Għalkemm dawn huma neċessarji u importanti, ma’ nistawx ninsew l-att spiritwali relatat ma’ dawn il-problemi.
Billi inqabblu dawn id-dnubiet mal-virtujiet relattivi tagħhom, jista’ jkun t’għajnuna sabiex nerġaw nibnu relazzjonijiet sħaħ ma’ sħabna, mal-komunitajiet li aħna membri tagħhom, kif ukoll mal-ambjent u anke magħna nfusna. B’hekk Dan jippermettilna biex ngħixu f’sens ta kommunjoni filwaqt li jgħina biex nilħqu l-miri tal-vjaġġ Nisrani tagħna, sabiex naspiraw għal qdusija tagħna personali.
Il-ħsibijiet maħruġa mil-GCCM, jipproponu li aħna naspiraw li nħaddnu dawn il-virtujiet flimkien m’azzjonijiet ta’ fejda sabiex insaħħu l-fidi tagħna, filwaqt li nrawwmu fina stil ta-ħajja li hu iktar virtwuż u ta’ penitenza. Il-kburija tista’ tiġi mrażżna permezz ta’ umilta’ u sawm; iż-żina permezz ta’ kontroll fuqna nfusna u talb; l-għira permezz tal-gratitudni u l-kuntentizza b’affarjiet sempliċi. Min naħa l-oħra, is-sokor jista’ jiġi megħlub permezz ta’ l-astinenza u l-konsum ta’ ikel sempliċi; ir-rabja tista’ tiġi kkontrollata permezz tad-djalogu u l-paċenzja; ir-regħba permezz tal-karita’ u l-imħabba soċjali; filwaqt li l-għażż jista’ jiġi kkontrollat permezz ta’ diliġenza fl-atitudnijiet tagħna filwaqt li nuru impenn għal-futur.
Meta aħna nirreżistu u niġġieldu kontra dawn id-dnubiet, jgħinna sabiex titwettaq bidla interjuri tal-qalb tagħna, li twassal għal bidla fl-istil ta’ ħajja rigward il-produzjoni u l-konsum tagħna. Billi naġġixxu flimkien b’mod fratern, jista jkun ta’ gwadann soċjali minnlivell ekonomiku kif ukoll dak teknoloġiku, fejn magħquda ma’ konverżjoni ġenwina fi Kristu, tgħina biex inbiddlu l-mod ta’ kif naħsbuha u naġġixxu.