Nitolbu li l-Avukat Ġenerali, Dr Victoria Buttigieg tirtira b’mod immedjat l-akkużi inġusti li saru kontra Abdalla, Amara u Kader, magħrufa bħala l-El Hiblu 3.

Abdalla, Amara u Kader waslu Malta ’l fuq minn erba’ snin ilu. Bħala medjaturi u tradutturi fuq il-bastiment El Hiblu 1, huma ħadmu sabiex jevitaw ir-ritorn illegali ta’ ’l fuq minn 100 ruħ lejn il-Libja u biex irażżnu sitwazzjoni delikata fuq il-baħar. Iż-żgħażagħ kellhom biss 15, 16 u 19-il sena. Iżda minflok jiċċelebraw il-qlubija tagħhom, l-awtoritajiet Maltin akkużawhom b’numru ta’ reati li faċilment jistgħu jwasslu għal sentenzi għal għomorhom.

Evidenza ġdida b’rabta mal-każ tiskredita lil wieħed mix-xhieda ewlenija mressqa mill-prosekuzzjoni: Salah El Hiblu, sid it-tanker taż-żejt li salva lill-vjaġġaturi, ġie implikat f’każ li jinvolvi l-kuntrabandu tal-kokaina fi Spanja, u naqas milli jattendi s-seduta tal-Qorti. Dawn l-avvenimenti xeħtu dawl ikrah fuq l-imġiba tiegħu, il-kredibbiltà tiegħu u għaldaqstant, l-istqarrija tiegħu quddiem il-Qorti.

Din l-evidenza ġdida tikkorrobora dak li l-El Hiblu 3 spjegaw mill-bidu nett u dak kkonfermaw passiġġieri oħra li kienu xhieda importanti ħafna: Abdalla, Amara u Kader m’għamlux reati! Fil-fatt, huma rażżnu sitwazzjoni li setgħet tkun ta’ periklu peress li l-passiġġieri kienu lesti jaqbżu fil-baħar biex jevitaw ir-ritorn lejn il-Libja. Barra minn hekk, l-awtoritajiet ma sabu l-ebda evidenza ta’ vjolenza jew armi fuq il-bastiment.

It-talba nazzjonali u internazzjonali lill-Avukat Ġenerali biex twaqqa’ dawn l-akkużi qiegħda dejjem tikber u tiżdied. Mindu ħadna l-ittra miftuħa tagħna lill-Avukat Ġenerali f’Settembru 2022, mijiet ta’ individwi u organizzazzjonijiet iffirmaw din l-ittra. B’kollox, l-ittra miftuħa bħalissa għandha 1,300 firma minn individwi u organizzazzjonijiet. Il-firmatarji jinkludu lil Marie-Louise Coleiro Preca (President Emeritus ta’ Malta), Dr Yana Mintoff (mill-Assoċjazzjoni għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Paċi), Dr Maria Pisani (Kap tad-Dipartiment tal-Youth Studies fl-Università ta’ Malta), ’il fuq minn 10 membri tal-Parlament Ewropew, membri prominenti tal-Knisja Kattolika f’Malta, u bosta individwi oħra. L-ittra rċiviet appoġġ minn numru kbir ta’ organizzazzjonijiet f’Malta u oħrajn barra minn xtutna, inkluż l-Amnesty International u l-Kunsill Ewropew għar-Refuġjati u l-Eżiljati (ECRE).

Minkejja li bgħatna l-ittra miftuħa tagħna iktar minn tmien xhur ilu, l-Avukat Ġenerali lanqas biss wiġbitha. Għaldaqstant, il-Ġimgħa 9 ta’ Ġunju fl-17:30, rappreżentanti mis-soċjetà ċivili f’Malta reġgħu ltaqgħu mill-ġdid quddiem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fl-indirizz: Dar l-Ammiraljat, 53 Triq in-Nofsinhar, Valletta.

Nerġgħu ntennu t-talba tagħna lill-Avukat Ġenerali biex ittemm l-inċertezza li qed iħabbtu wiċċhom magħha dawn it-tliet żgħażagħ. Wasal iż-żmien li jitwaqqgħu l-akkużi kontrihom. Eħilsu lill-El Hiblu 3!

(Photo credit: Miguela Xuereb)