Waqt konferenza internazzjonali organizzata mill-fundazzjoni Centesimus Annus Pro Pontifice, Daniel Darmanin, president tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u koordinatur tas-sezzjoni lokali tal-fundazzjoni Centesimus Annus, ippreżenta l-ktejjeb Yahad lil Papa Franġisku. Waqt l-istess laqgħa, Darmanin ippreżenta dan il-proġett ukoll lill-Kardinal Parolin, Segretarju tal-Istat, filwaqt li fissirlu li b’dan il-proġett il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi xtaqet tistieden lill-Insara u l-bnedmin kollha ta’ rieda tajba biex jirriflettu fuq kif nistgħu naħdmu flimkien għar-rikonċiljazzjoni, imsejjsa fuq il-verità u l-ġustizzja.

It-titlu ta’ din il-konferenza kien: “Inclusive growth to eradicate poverty and promote  sustainable development and peace“. Bħala parti mill-programm, il-perit Darmanin ippreżenta paper bl-isem ta’ Compartmentalization of ethics: unrealistic and harmful. Fil-preżentazzjoni tiegħu, Darmanin fisser li meta l-etika tipprova titħalla barra mid-dinja tan negozju u l-finanzi, ma tkunx qed tiġi rispettata n-natura relazzjonjali tal-bniedem. Hu rabat din ir-riflessjoni mal-proġett tal-Kummissjoni Beyond GDP li wera l-bżonn ta’ viżjoni aktar olistika fil-qasam ekonomiku f’pajjiżna.

Ftit jiem wara din il-konferenza, waqt l-Assemblea Ġenerali ta’ Ġustizzja u Paċi (Ewropa) li saret f’Assisi, Daniel Darmanin kellu wkoll l-opportunità li jippreżenta kopja ta’ Yahad lill-Kardinal Michael Czerny sj, li bħala Prefett tad-Dikasteru tal-Vatikan għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali tal-Bniedem, wera l-apprezzament tiegħu għax-xogħol li qed twettaq il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi fi ħdan il-Knisja Maltija.