Il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi kemm‑il darba saħqet dwar bidla fil‑mudell ekonomiku attwali u l‑ħtieġa li t‑tkabbir ekonomiku ma jitkejjilx biss fuq il‑Prodott Domestiku Gross. Dan għaliex il‑mudell ekonomiku preżenti mhux kapaċi jiggarantixxi rispett sħiħ lejn l‑ambjent u l‑kwalità tal‑ħajja taċ‑ċittadini.
Ispirata mil‑laqgħa internazzjonali “L‑Ekonomija ta’ Franġisku” li qed issir bħalissa f’Assisi, il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi qed tniedi l‑inizjattiva Beyond GDP b’ħidma mal‑fergħat Maltin tal‑Moviment tal‑Fokolari u l‑Fondazzjoni Centesimus Annus Pro Pontifice, flimkien mal‑kumpaniji EY u Seed Consultancy bl‑appoġġ ta’ APS Bank.
Waqt konferenza tal‑aħbarijiet fil‑Kurja tal‑Arċisqof ġie ppreżentat rapport li jipproponi għadd ta’ rakkomandazzjonijiet filwaqt li jixpruna diskussjoni, u jsejjaħ għal azzjoni u l‑koperazzjoni ta’ diversi entitajiet biex jaħdmu flimkien għall‑ġid komuni. Ir‑rapport iservi wkoll ta’ motivazzjoni għal aktar riċerka fil‑qasam tal‑iżvilupp soċjo‑ekonomiku.
L‑indiċi għall‑kwalità ta’ ħajja aħjar, imsejjaħ Better Living Index tal‑OECD (l‑Organizzazzjoni għall‑Koperazzjoni u l‑Iżvilupp Ekonomiku), intagħżel bħala bażi li fuqu nħadem ir‑rapport. Minn dan l‑indiċi ġew identifikati sitt temi li jirriflettu l‑kuntest Malti: id‑dħul finanzjarju, il‑housing, l‑edukazzjoni u l‑ħiliet, ix‑xogħol, is‑saħħa u l‑istil ta’ ħajja, u l‑kwalità tal‑ambjent.
Ir‑rapport ma jfittixx li jagħti soluzzjonijiet għal kull tema individwali iżda jipproponi rakkomandazzjonijiet b’mod ħolistiku:
- L‑iżvilupp ta’ pjattaforma ta’ data b’aċċess miftuħ (open data platform)
- Qbil fuq qafas nazzjonali dwar il‑benessri
- L‑integrazzjoni tal‑benessri fit‑tfassil tal‑politika
- Reviżjoni tal‑mekkaniżmu tal‑COLA
- Jingħata bidu għal diskussjonijiet dwar patt soċjali
Waqt it‑tnedija ta’ din l‑inizjattiva, l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi qal li hu ta’ sodisfazzjon kbir għall‑Knisja f’Malta li qed tittieħed din l‑inizjattiva li tqarreb entitajiet tal‑Knisja ma’ entitajiet oħra fil‑qasam tan‑negozju. Spjega li l‑Knisja jinteressaha l‑bniedem sħiħ, u dejjem tmexxi ’l quddiem l‑iżvilupp ħolistiku tal‑bniedem u tas‑soċjetà. Fakkar li l‑Knisja tagħti attenzjoni speċjali lil dawk li huma dgħajfa, u li s‑saħħa tas‑soċjetà titkejjel mill‑progress ta’ dawk l‑aktar dgħajfa.
L‑Isqof Galea‑Curmi qal li dan kollu hu fil‑linja ta’ dak li jixtieq il‑Papa Franġisku, li propju f’dawn il‑jiem f’Assisi qed iġib flimkien online ekonomisti, imprendituri, riċerkaturi u attivisti ta’ età pjuttost żagħżugħa, biex jerġgħu jaħsbu b’mod kreattiv kif nistgħu nagħtu ruħ lill‑ekonomija. L‑Isqof Galea‑Curmi awgura li r‑rapport Beyond GDP ikun il‑bidu ta’ proċess ta’ ħsieb u azzjoni, biex flimkien naħdmu għal bidla reali fil‑mudell ekonomiku għall‑ġid tal‑bniedem u tas‑soċjetà Maltija.
Daniel Darmanin, il‑President tal‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, qal li l‑Knisja dejjem saħqet fuq l‑element morali tal‑ekonomija u l‑effetti tagħha fuq is‑soċjetà. “Fi żmien fejn il‑ġid globali mhux qed jinfirex b’mod ekwu, id‑differenza bejn il‑fqir u s‑sinjur qed tiżdied, u l‑ambjent qed jiġi ssagrifikat għat‑tkattir finanzjarju, hemm bżonn li nieqfu minn din il‑ġirja għall‑flus u naħsbu ftit fuq l‑effett li dan qed ikollu fuq ħajjitna.” Qal li huwa propju għalhekk li l‑Knisja f’Malta qed tagħmel din is‑sejħa għal ekonomija aktar ibbilanċjata li ċ‑ċentru tagħha huwa l‑bniedem.
L‑għan aħħari tal‑inizjattiva Beyond GDP hu li l‑ekonomija ta’ għada jkollha ruħ u tistabilixxi viżjoni ħolistika u essenzjali biex tħares id‑dar komuni tagħna, filwaqt li tiżgura ġustizzja għall‑foqra u ssib tweġibiet sostenibbli għall‑kwistjonijiet ekonomiċi li jolqtu l‑ħajja ta’ kuljum.
Ir‑rapport Beyond GDP – A framework to gauge Malta’s success through quality of life se jiġi diskuss fl‑APS Talk li se jsir online fis‑26 ta’ Novembru li ġej u li hu miftuħ għall‑pubbliku.
Agħfas hawn biex taqra r-rapport sħiħ.