Ir-reġjun ta’ Tigray fl-Etjopja bħalissa qed jesperjenza eskalazzjoni serja ta’ vjolenza, li twassal għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali. Diversi mijiet ta’ pajżana nqatlu u ‘l fuq minn 40,000 Etjopjan ġew sfurzati jaħarbu lejn il-pajjiż ġar tas-Sudan biex isalvaw ħajjithom. In-Nazzjonijiet Uniti qajmet allarm dwar nuqqas ta’ ikel fir-reġjun, billi issa huwa stmat li aktar minn miljun persuna kellhom jiċċaqalqu minn arthom, inkluż aktar minn 100,000 refuġjat mill-Eritrea.

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi Etjopjana tirrapporta li “xi wħud iridu jimxu għal għaxart ijiem biex jaslu fis-Sudan, ommijiet iġorru trabi jibku bil-ġuħ u l-għatx, mimlijin biża’ minn dak li mhux magħruf, b’xokk u trawma tal-gwerra. Dawk li jibqgħu qed jiffaċċjaw ir-riskju ta’ ġuħ imminenti peress li r-reġjun, li diġà huwa skars fl-ikel minħabba nixfiet u l-qerda li ġabet magħha infestazzjoni ta’ ġurati, issa qed jesperjenza wkoll imblokki fil-provvisti tal-ikel u nuqqas ta’ fjuwil. Huwa ta’ dispjaċir li tisma’ stejjer bħal dawn fl-era moderna. ”

F’isem il-Kumitat Eżekuttiv tal-Konferenza tal-Kummissjonijiet tal-Ġustizzja u l-Paċi Ewropej (“Justice & Peace Europe”), nixtiequ nesprimu s-solidarjetà tagħna ma’ ħutna mill-Kummissjoni Etjopjana u man-nies kollha li qed ibatu fl-Etjopja: ir-reġjun tat-Tigray. Aħna nissieħbu fl-istedina riċenti tal-Papa Franġisku għat-talb u għar-rispett fratern, għal djalogu u għal riżoluzzjoni paċifika għan-nuqqas ta’ qbil”.

Aħna nappoġġjaw l-appell tal-Parlament Ewropew lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jiżguraw il-protezzjoni taċ-ċittadini billi jirrispettaw bis-sħiħ il-liġi umanitarja internazzjonali u l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem.

Filwaqt li nirrikonoxxu l-kumplessità tas-sitwazzjoni politika, nappellaw lill-komunità internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea, biex tikkontribwixxi b’mod attiv għan-negozjati tal-paċi u tiffaċilita l-kurituri umanitarji biex tippermetti kunsinna bla xkiel ta’ għajnuna lill-aktar minn erba’ miljun persuna fi bżonn urġenti.

Brussell, 27 ta’ Novembru 2020

The Executive Committee of Justice & Peace Europe:

H.E. Mgr. Noel Treanor, Bishop of Down and Connor, President

Maria Krabbe Hammershoy, Vice-President

Stefan Lunte, General Secretary

Isabel Cuenca Anaya

Daniel Darmanin

Cécile Dubernet

Arnaud Gorgemans

Marek Mišák