Aħna, bħala migranti li ilna għal żmien twil ngħixu u naħdmu f’Malta, qed ningħaqdu flimkien biex nitolbu li f’ħajjitna jkollna sens ta’ stabilità, u mhux inċertezza. Fid-dawl ta’ avvenimenti riċenti u sfidi kontinwi li tiffaċċja l-komunità tal-migranti, qed nasserixxu d-drittijiet tagħna u qed insejħu għal azzjoni urġenti min-naħa tal-awtoritajiet. Aħna ġejna Malta snin ilu, hekk kif ħallejna warajna sitwazzjonijiet problematiċi immens fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħna. Illum, inqisu lil Malta bħala darna. Għalkemm ma ġejniex mogħtija protezzjoni jew karta ta’ residenza, ingħatajna d-dritt li naħdmu b’mod leġittimu, u min-naħa tagħna, ilna nħallsu t-taxxa u l- assigurazzjoni nazzjonali għal snin sħaħ.
Ħdimna għal snin twal, spalla ma’ spalla, mal-kollegi Maltin tagħna; għamilna l-ħbieb, ħloqna familja u kellna t-tfal hawn Malta. Aħna parti mis-suċċess ekonomiku ta’ Malta. Imlejna fejn kien hemm lakuni fil-forza tax-xogħol, u kkontribwejna għal sistema ta’ protezzjoni soċjali li qatt ma nistgħu nibbenefikaw minnha. It-tfal tagħna ma jafu bl-ebda pajjiż ieħor, bl-ebda soċjetà oħra ħlief dik Maltija. Huma, fil-fatt — għalkemm mhux rikonoxxuti mil-liġi — Maltin. U minkejja dan kollu, nibqgħu nħabbtu wiċċna mad-diskriminazzjoni, mal-marġinalizzazzjoni u mal-inċertezza. Ngħixu f’biża’ kostanti li d-dokumenti diġà prekarji tagħna jiġu rtirati għall- ebda raġuni valida; xi ħaġa li tagħmilna vulnerabbli għad-deportazzjoni, l-esplojtazzjoni u n- nuqqas ta’ prevedibbiltà dwar il-futur tagħna.
- Qed nagħmlu appell urġenti biex jiġi rilaxxat Kusi Dismark, membru li ilu għal żmien twil stabbilit fil-komunità tagħna u li qed jiffaċċja d-deportazzjoni wara 13-il sena jgħix u jopera negozju f’Malta. Qed nitolbu wkoll biex individwi oħra li bħal Kusi ilhom jgħixu f’Malta għal aktar minn 5 snin u aktar, u li wkoll ġew detenuti bil-ħsieb li jiġu deportati, jiġu meħlusa.
- Qed nitolbu lill-Gvern biex jintroduċi permess għal residenza lil kull min ilu jaħdem u jgħix f’Malta għal ammont sostanzjali ta’ żmien. Dan jista’ jieħlu l- għamla tar-riintroduzzjoni ta’ skema simili għall-Awtorizzazzjoni tar-Residenza Speċifika, li kienet ġiet irtirata għal għarrieda, jew il-possibbiltà li wieħed japplika għal Permess tax-Xogħol Uniku.
Din il-miżura hija essenzjali biex jiġu pprovduti l-istabilità u r-rikonoxximent legali lil dawk li ilhom għal snin twal jiffurmaw parti integrali mis-soċjetà u l- ekonomija ta’ Malta. Ir-regolarizzazzjoni taqdi wkoll lill-ekonomija Maltija għax tippermetti lilna l-migranti, li diġà ninsabu f’dan il-pajjiż, biex naħdmu u nkomplu nservu ta’ ġid għall-industrija fit-tul u b’mod stabbli. Tippermettilna nieħdu ħsieb tagħna nfusna u ta’ wliedna aħjar, intejbu l- edukazzjoni tagħna u niffurmaw parti mis-soċjetà b’mod effettiv.
- It-tfal tagħna ma żaru jew għexu fl-ebda pajjiż ieħor għajr Malta. Malta hija d- dar tagħhom, u l-Malti għalihom huwa l-lingwa tal-ħbiberija, tal-edukazzjoni, tal-kultura, u eventwalment, tad-dinja tax-xogħol. Huma jistħoqqilhom li jkollhom id-drittijiet taċ-ċittadinanza, u jekk dawn se jibqgħu jiġu miċħuda lilhom, se jkomplu jinħolqu ostakli u inċertezzi bla bżonn f’ħajjithom, u l- aċċess tagħhom għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u servizzi oħra essenzjali jiġi pperikolat.
- Finalment, qed nappellaw għal appoġġ soċjali komprensiv lil individwi fil- komunità tagħna li għandhom diżabbiltà jew dawk li ma jistgħux jaħdmu minħabba diversi raġunijiet, fosthom l-anzjanità jew mard. Minkejja li setgħu fil-passat ikkontribwew għal snin sħaħ billi ħallsu t-taxxa u l-assigurazzjoni nazzjonali, mhumiex intitolati li jirċievu benefiċċji tad-diżabbiltà jew tal-qgħad. L-aċċess għal appoġġ adegwat huwa kruċjali sabiex jiġu żgurati l-benesseri u d-dinjità ta’ kulħadd.
Bħala migranti bla dokumenti li ilna għal żmien twil ngħixu f’Malta m’aħniex qed nitolbu xi trattament speċjali; sempliċiment qed nitolbu li jkollna stabbiltà, u li s-snin twal ta’ xogħol iebes, l-isforzi ta’ integrazzjoni u l-kontribuzzjoni tagħna lejn is-soċjetà Maltija jiġu rikonoxxuti. M’hemm xejn li hu ġust f’li aħna u wliedna nitħallew ngħixu fi stat ta’ inċertezza u biża’. Ma jistax ikun hemm ugwaljanza jekk m’hemmx ekwità!
Il-Ħadd 25 ta’ Frar fit-15:00 se nkunu qed niltaqgħu fil-Pjazza tal-Ħamrun u se nimxu sal-Belt Valletta sabiex nippreżentaw it-talbiet tagħna quddiem il-Parlament. F’din il-protesta, qed niġu appoġġjati minn dawk li naħdmu magħhom, mill-ġirien, mill-kollegi u mill-ħbieb tagħna. Nistiednu lill-membri tal-komunità tal-migranti, impjegaturi, ħbieb, Maltin u residenti oħra li jappoġġjaw il-kawża tagħna biex jingħaqdu magħna!
L-għaqdiet li qed jappoġjaw:
- aditus foundation
- African Media Association Malta
- Blue Door Education
- Dance Beyond Borders
- Doctors for Choice
- Integra Foundation
- JRS Malta
- Justice and Peace Commission
- Kopin
- Lawyers For Choice (L4C)
- Men Against Violence
- Moviment Graffitti
- Migrant Women Association Malta
- MGRM – Malta LGBTIQ Rights Movement
- Office of the Dean of the Faculty of Education University of Malta
- Office of the Dean of the Faculty for Social Wellbeing
- Repubblika
- SAR Malta Network
- Solidarjetà
- SOS Malta
- Sudanese Community Malta
- Syrian Solidarity in Malta
- The Daphne Caruana Galizia Foundation
- #OccupyJustice