25 għaqda lokali qed jagħmlu sejħa lill-awtoritajiet Maltin biex jipprevjenu aktar ksur tad-drittijiet tal-bniedem u mwiet fil-Baħar Mediterran.

Il-Baħar Mediterran jibqa’ wieħed mill-aktar spazju bejn il-fruntieri fatali fid-dinja. Għexieren ta’ eluf ta’ nies mietu jew sfaw nieqsa meta ppruvaw jaqsmu l-Mediterran. Mill-inqas 3,041(1)  persuna mietu fil-Baħar Mediterran fl-2023, li għamel din is-sena waħda mill-aktar fatali. Ir-Rotta tal-Mediterran Ċentrali, mit-Tuneżija u l-Libja għal Malta u l-Italja, hija partikolarment perikoluża. Ħdax-il tifel u tifla (2)  imutu kull ġimgħa fit-traġitt tagħhom tul din ir-rotta, proprju fuq ix-xefaq tagħna.
 
L-awtoritajiet Maltin, flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, ikomplu jikkontribwixxu għal dawn l-imwiet billi jużaw il-politika biex jilagħbu b’ħajjet in-nies fuq il-baħar, idewmu azzjonijiet ta’ salvataġġ, u jużaw il-pjattaformi biex iħaddnu retorika iebsa kontra l-migranti. Dawn il-politiki jxejnu l-valuri tagħna, ixerrdu l-biża’ u l-mibegħda, u jipperikolaw il-ħajja ta’ nies innoċenti.
 
L-awtoritajiet Maltin segwew ukoll politika sabiex jesternalizzaw il-fruntiera sal-Afrika ta’ Fuq. La l-Libja u lanqas it-Tuneżija m’għandhom oqsfa legali li jipproteġu d-drittijiet tar-refuġjati jew ta’ persuni li qed jemigraw. Il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja, inklużi t-tortura, l-estorsjoni, il-vjolenza sesswali u l-iskvjavitù, huma ddokumentati sew u huma partikolarment xokkanti.

Minkejja dan, l-awtoritajiet Maltin jikkollaboraw ma’ entitajiet kważi-legali, bħall-Gwardja tal-Kosta Libjana u milizzji biex iġiegħlu nies li jkunu jinsabu fiż-żona ta’ tfittxija u salvataġġ tagħna jirritornaw lura bil-forza lejn il-Libja. Pereżempju, fl-2023 l-awtoritajiet bdew jipprovdu l-koordinati ta’ bastimenti li kienu jinsabu f’diffikultà fiż-żona ta’ tfittxija u salvataġġ tagħna lill-Brigata Tariq Bin Zayed, milizzja Libjana li t-track record tagħha ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem huwa magħruf sew. Minħabba f’hekk, mijiet ta’ persuni, ħafna minnhom tfal, ġew interċettati fl-ibħra tagħna u mġiegħla jirritornaw(3)  f’ħajja ta’ detenzjoni u degradazzjoni fil-Libja.
 
Dawn l-azzjonijiet jammontaw għal ksur tal-prinċipju legali ta’ non-refoulement, li huwa stabbilit fil-Konvenzjoni tar-Refuġjati tal-1951, fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u li jipprojbixxi t-trasferiment ta’ kwalunkwe persuna f’post fejn tista’ taffaċċja riskju reali ta’ persekuzzjoni, tortura jew periklu serju ieħor.

L-għaqdiet qed jappellaw lill-awtoritajiet Maltin biex:
 
1. Iwettqu u jikkoordinaw salvataġġ mingħajr dewmien ta’ persuni li jkunu jinsabu f’diffikultà fiż-żona ta’ tfittxija u salvataġġ tagħna.
2. Idaħħlu fis-seħħ politiki u jħaddnu retorika li jirrispettaw u jsostnu l-valur tal-ħajja umana kollha.  
3. Iwaqqfu minnufih il-politika li permezz tagħha jikkoordinaw pushbacks miż-żona ta’ tfittxija u salvataġġ ta’ Malta.
4. Iwaqqfu l-appoġġ għal u l-kollaborazzjoni ma’ entitajiet li jiksru d-drittijiet tal-bniedem, bħall-Gwardja tal-Kosta Libjana u l-Brigata Tariq Bin Zayed.
5. Jieqfu jikkriminalizzaw l-għaqdiet ta’ salvataġġ umanitarji u jibdew jikkoordinaw magħhom biex isalvaw il-ħajjiet fuq il-baħar.

Referenzi:

(1)  Latest Mediterranean deaths highlight need for safe migration routes | UN News
(2) Eleven children die every week attempting to cross the Central Mediterranean Sea migration route – UNICEF
(3)  https://www.maltatoday.com.mt/news/national/126461/torture_murder_humiliation_meet_the_militia_carrying_out_pullbacks_in_maltese_sar_zone
 

L-għaqdiet huma:
1. aditus foundation
2. African Media Association
3. Azzjoni Kattolika Maltija
4. Blue Door Education
5. Caritas Malta
6. Dance Beyond Borders
7. Humanists Malta
8. Jesuit Refugee Service Malta
9. Kopin
10. Malta LGBTIQ+ Rights Movement, MGRM
11. Men Against Violence
12. Migrant Women Association Malta
13. Moviment Graffitti
14. Office of the Dean – Faculty of Education UOM
15. Repubblika
16. SAR Malta Network
17. Segretarjat Assistenza Socjali (AKM)
18. SPARK15
19. The Gender And Sexualities Department, University of Malta
20. The Justice and Peace Commission
21. The Migrants Commission
22. The People for Change Foundation
23. Women’s Rights Foundation
24. Young Progressive Beings
25. YMCA Malta